Lokali Parlament

Fi ftit minuti…il-gvern jibdel il-pożizzjoni tiegħu; dibattitu għada dwar il-coronavirus

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jsostni li flok illum mar il-parlament, il-Prim Ministru għażel li jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Ftit minuti wara li l-gvern irrifjuta li jagħmel dibattitu parlamentari dwar il-coronavirus, l-istess gvern bidel il-pożizzjoni tiegħu u issa aċċetta li l-parlament għada jiddiskuti din is-sitwazzjoni.

Fis-seduta parlamentari tal-lum il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li issa tħabbar l-ewwel każ li mhux importat iżda li seħħ b’kuntatt fil-pajjiż iżda li l-Prim Ministru qed jagħti konferenza tal-aħbraijiet; propju issa flok mar il-parlament. Nixtieq nisma’ dak li qed jgħid il-Prim Ministru issa iżda ma nistax meta dan hu ta’ importanza nazzjonali, sostna Adrian Delia.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li kien intlaħaq qbil mal-Oppożizzjoni li għada jsir dibattitu mingħajr vot dwar il-coronavirus f’Malta. Hu qal li kienet l-Oppożizzjoni li pproponiet dan id-dibattitu.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li d-direzzjoni hi li hi prerogattiva tal-gvern dwar min ikun preżenti fil-Kamra iżda jifhem il-preokupazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Glenn Bedingfield qal li dawn huma ċirkostanzi li jinbidlu minn ħin għal ħin u għalhekk bħalissa l-Prim Ministru ħass li kellu jindirizza lill-poplu dwar il-coronavirus.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia insista li l-parlament ikun sospiż biex tkun segwita l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru.

Il-Gvern ma qabilx li l-parlament ikun sospiż.

Dwar is-seduta ta’ għada, Glenn Bedingfield qal li llejla se jttieħed il-vot dwar l-estimi u għada jsir dibattitu fuq il-coronavirus.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li l-gvern m’aċċettax li d-dibattitu jsir llejla iżda jidher li rrikonsidra l-pożizzjoni tiegħu. L-Oppożizzjoni lesta tikkopera u għada jsir id-dibattitu dwr il-coronavirus iżda l-parlament għandu jara x’passi jieħu minħabba li l-Prim Ministru ma jħossx li għandu jingħalaq il-parlament meta l-Prim Ministru għadu kif ħabbar li qed jagħlaq ir-ristoranti u postijiet oħra.

Fis-seduta d-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-Prim Ministru qed jagħżel li jindirizza konferenza tal-aħbarijiet minflok jitkellem fil-parlament waqt li qed jinsterqu wkoll is-sanitisers. Hu qal li l-Prim Ministru qed jiggverna l-pajjiż mill-konferenzi tal-aħbarijiet.

Meta kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru Jose Herrera irringrazzja lill-Oppożizzjoni għall-maturità u r-responsabbiltà li qed tattwa u qed turi fil-kriżi tal-coronavirus.