Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Ġimgħa oħra iebsa għal pajjiżna

Il-Maltin sebhu ghat-tieni gimgha fil-krizi li ġab miegħu il-Coronavirus – kriżi li qed titfa pressjonijiet enormi fuq il-qasam tas-saħħa, fuq in-negozji, fuq is-settur tax-xogħol, fuq il-mod kif ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Filgħodu, it-traffiku kważi sparixxa kompletament. Ħafna qed jagħżlu li jibqgħu ġewwa djarhom ma’ uliedhom. Il-ftit nies li għadhom jidhru fuq barra huma xi ħaddiema…ftit anzjani…jew inkella turisti.

Mit-Tnejn, ir-ristoranti kollha tal-Grupp Alf Mizzi – Cafe Cuba, Vecchia Napoli u Gululu – se jagħlqu l-bibien tagħhom għal ħmistax. Dan…bħala prekawzjoni sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19.

Fi tmiem il-gimgha, kienu diversi l-bars u r-ristoranti fil-Belt Valletta baqghu maghluqin.

U għal darb’oħra, it-Tnejn filgħodu quddiem l-uffiċini ta’ Identity Malta reġgħet inġabret folla mhux ħażin ta’ nies…il-biċċa l-kbira barranin. Diversi kienu dawk li kienu lebsin il-maskli.

Xena totalment differenti fil-Mosta, fejn il-monti li jarma ta’ kull nhar ta’ Tnejn kien pjuttost nieqes mix-xerrejja… b’bosta bejjiegħa ma biegħu xejn jew kważi xejn tul l-għodwa kollha.

Il-ftit xerrejja li kien hemm kienu anzjani li qalulna li ħarġu jixtru l-bżonnijiet tagħhom qabel jerġgħu jidħlu lura d-dar.

Il-bejjiegħa minn naha taghhom tkellmu magħna dwar il-preokkupazzjoni tagħhom f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Dan il-bejjiegħ ukoll insista magħna li l-monti huwa aktar sigur mill-ħwienet magħluqin.

Filwaqt li l-crew taghna kien il-Mosta, ġew il-wardens biex iwissu lill-bejjiegħa biex iżarmaw… dan minkejja li l-bejjiegħa tal-monti ma ingħatawx struzzjonijiet uffiċjali biex ma jibqgħux jarmaw.

Sadanittant, anke f’dawn iċ-ċirkostanzi, in-negozjant Malti juri l-kapaċità tiegħu.. bħal ma għamel dan ir-raġel, li ssoltu jarma bl-għodda… iżda li fehem li llum seta jaqla’ l-għixien tiegħu mod ieħor.

Il-verita’ hi…li ħafna huma ġenwinament nkwetati. Id-daqqa fuq in-negozju qed tinħass b’saħħitha… u l-biża hi..li se tinħass fit-tul.