Lokali

Ikompli jiżdied il-faqar f’pajjiżna

Kważi familja minn kull sitta ma taffordjax spiża mhux mistennija li taqbeż is-€725…jekk tinqalalhom emerġenza.

Familja minn kull 12 m’għandhiex biex issaħħan id-dar tagħha fix-xitwa.

U ħames persuni minn kull mija m’għandhom biex jixtru t-tieni par żarbun jew ħwejjeġ ġodda jekk li għandhom jispiċċaw.

L-aktar ċifri riċenti maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatisika qed turi li l-għadd ta’ persuni li fl-2019 kienu severament imċaħħda minn xi haga materjali kien ilaħħaq 3.7% tal-popolazzjoni f’Malta, filwaqt li dawk imċaħħda materjalment kien ta’ 8.4%.

Jumejn wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna … waqt konferenza dwar il-Covid-19 ħareġ jgħid li issa kulħadd irid jiftakar fis-surplu li għandu l-pajjiż, iċ-ċifri l-ġodda qed jikkonfermaw li fl-aħħar sena pajjiżna ra żieda fin-numru ta’ persuni li jinsabu f’faqar materjali sever hekk kif issa għandna madwar 18,000 persuna li sabu rwieħhom f’dan il-livell ta’ faqar –altru milli gawdew bis-surplus!

41,000 persuna oħra jaqgħu taħt il-kategorija ta’ faqar materjali.

L-istess eżerċizzju juri li 38,000 persunja f’pajjiżna waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-loans jew il-kirjiet tagħhom fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl jew f’dak tal-hire purchase fuq il-vettura tagħhom jew loans oħra.

6% tal-familji ma jaffordjawx jieklu tiġieġ, ħut jew laħam tlett darbiet fil-ġimgħa.

U persuna minn kull tlieta, ma taffordjax vaganza ta’ ġimgħa ‘l bogħod mid-dar tagħha darba fis-sena.

Intant, issa żdiedu għal kwazi 11,000 in-numru ta’ adulti li ma jaffordjawx karozza.