Coronavirus Futbol Sport Sport Ieħor

Il-futbol u l-cricket fl-Afrika ta’ Isfel sospiżi minħabba l-coronavirus

(Ritratt: EPA)

L-attivitajiet tal-futbol u cricket fl-Afrika ta’ Isfel ġew sospiżi hekk kif il-pajjiż qed jipprova jnaqqas l-impatt tal-coronavirus. Attivitajiet tal-futbol li jinvolvu 100 persuna jew aktar ġew sospiżi filwaqt li kull forma ta’ cricket ġiet sospiża għal 60 ġurnata.

“Din il-miżura għandha impatt dirett fuq l-attivitajiet tal-futbol tagħna partikolarment il-logħbiet, hekk kif ħafna jekk mhux il-logħbiet kollha jkollhom attendenza ta’ aktar minn 100 persuna. Ftit awtoritajiet tal-futbol madwar id-dinja ħadu miżuri biex il-logħbiet jintlagħbu bil-bibien magħluqa. Ir-rispons ma tantx kien effettiv biex inaqqas il-firxa tal-virus. Fl-Ewropa, xi plejers li lagħbu bil-bibien magħluqa nstabu riċentament pożittivi. Għalhekk ma nemmnux li miżura li tilgħab bil-bibien magħluqa hi effettiva,” qal l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-assoċjazzjoni tal-futbol fil-pajjiż Thamsanqa Gay Mokoena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Cricket Jacques Faul sejjaħ biex il-membri u dawk kollha affiljati magħhom ma jiħdux parti minn attivitajiet relatati mal-cricket u avvenimenti oħra li jkun fihom numri kbar. L-Afrika ta’ Isfel hu pajjiż ieħor li ħabbar li ssospenda l-isport minħabba l-coronavirus wara azzjonijiet simili mill-Marokk u l-Ghana.