Internazzjonali

Il-Ġappun: Ikkundannat għall-mewt wara massakru ġo faċilità għan-nies bi bżonnijiet speċjali

Raġel fil-Ġappun ġie kkundannat għall-mewt b’konnessjoni ma’ qtil tal-massa li seħħ fl-2016 u li kien nissel xokk kbir f’pajjiż fejn reati vjolenti ta’ dan it-tip huma pjuttost rari.

Ir-raġel akkużat, Satoshi Uematsu, kien daħal bil-forza ġo faċilità għall-kura tan-nies bi bżonnijiet speċjali fejn beda jattakka b’sikkina lir-residenti reqdin filwaqt li jdur minn kamra għall-oħra.

B’kollox f’dan l-attakk kienu nqatlu 19-il vittma bejn id-19 u s-70 sena, b’25 jispiċċaw midruba.

Dritt wara l-attakk, l-aggressur – li kien għamel żmien impjegat f’din il-faċilità — kien ippreżenta ruħu f’għassa tal-pulizija, bir-rapporti jikkwotaw kumment partikulari minn tiegħu fejn kien qal li persuni b’diżabbiltà ma għandhom l-ebda drittijiet umani.

Il-qattiel tal-massa, li qal li wettaq dan il-qtil bħala servizz lis-soċjetà, mhux mistenni jappella kontra l-verdett. Dan meta l-piena kapitali fil-Ġappun tinvolvi l-mewt bil-forka.