Coronavirus Lokali Parlament

Il-gvern jibqa’ jirrifjuta li jiddiskuti l-coronavirus…u llum se jiddiskuti l-kmamar tan-nar

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius issa jsostni fis-sessjoni plenarja li qed isiru kuntatti bejn iż-żewġ naħat

Il-gvern llum reġa’ rrifjuta li jiddiskuti l-kriżi tal-coronavirus u se jibqa’ għaddej bil-pogramm tiegħu fosthom li jiddiskuit l-kmamar tan-nar u l-vot dwar il-budget tal-gvern; dan filwaqt li llejla se jittieħed vot li għalih irid jattendu d-deputati fil-kamra tal-parlament.

Il-pajjiż jinsba wieqaf iżda l-gvern jirrifjuta li jiddiskuti fil-parlament

Din il-pożizzjoni l-gvern ħadha fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ llum fit-3.15 p.m fejn il-gvern kien rappreżentat mill-Whip Glenn Bedingfield u l-Ministru Edward Zammit Lewis waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mill-Viċi-Kap David Agius.

Fil-bidu tal-laqgħa, Glenn Bedingflied qal li l-gvern llum se jressaq l-liġi dwar l-isplussivi u l-kmamar tan-nar, għada se jressaq mozzjoni dwar is-self tal-gvern u l-Erbgħa se jitressaq l-abbozz ta’ liġi dwar is-setgħat ministerjali. Għall-ġimgħa d-dieħla l-gvern se jibda l-abbozz dwar l-integrità u t-traparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa.

Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni David Agius qal li l-gvern se jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn dwar il-coronavirus waqt li Glenn Bedingfield wieġeb li l-gvern għandu l-programm leġiżlattiv u qed jieħu l-prekawzjonijiet dwar il-coronavirus.

Bieb il-Belt vojt min-nies

M’għandniex għaliex nissospendu l-programm leġiżlattiv tal-gvern, sostna Glenn Bedingfield, li kompla li jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi allura l-gvern jibdel il-pożizzjoni tiegħu. Il-gvern lest jissospendi l-klawsola dwar il-kworum biex fil-parlament ikun hemm preżenti biss id-deputi li jkunu se jitkellmu.

David Agius qal li quddiem din is-sitwazzjoni l-gvern kellu jressaq il-pjan dwar is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ekonomija biex bħalissa ma jkunx hemm telf ta’ impjiegi. Iżda l-gvern se jresssaq programm ta’ ħidma li jista’ jistenna; dan meta l-coronavirus issa qed tittieħd bejn il-Maltin, sostna David Agius. Hu qal li l-Oppożizzjoni qed tistenna li l-gvern jiddikjara x’budget se jagħti quddiem din is-sitwazzjoni; dan meta anki l-parlament Ewropew iddiskuta s-sitwazzjoni.

In-negozju jinsab wieqaf

Il-Viċi-Kap tal-PN qal li l-abbozz dwar l-isplussivi jista’ jistenna u sostna li l-parlament Malti jixraqlu ħafna iktar minn hekk. Hu qal li l-gvern illum irid anki jdaħħal lid-deputati kollha biex jivvutaw.

Il-Ministru Zammit Lewis qal lis-sitwazzjoni mhix waħda normali u kompla li l-parlament ħa prekawzjonijiet. Hu sostna li mhux komdu li deputat ma jiġix il-parlament jagħmel xogħlu meta l-gvern qed jgħid lill-ħaddiema biex imorru għax-xogħol. Il-vot tal-lum hu urġenti minħabba li hu marbut mal-budget tal-gvern. L-agħar ħaġa li jista jsir hi li l-parlament juri paniku.

Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni David Agius qal li l-parlament illum għandu jidħol għax-xogħol biex jiddiskuti l-coronavirus imma mhux biex jiddiskuti l-isplussivi; fejn se jinġiebu 68 deputat biex jivvotaw fuq l-isplussivi.

David Agius appella biex issir diskussjoni dwar il-coronavirus għal ħidma koordinata u biex tinstab soluzzjoni biex ma jinġibux id-deputati kollha l-parlament. L-Oppożizzjoni qed tappella biex llum il-parlament jiddiskuti s-sitwazzjoni maħluqa mill-coronavirus, jingħaddew il-miżuri tal-estimi u l-affarijiet l-oħra jkunu diskussi wara.

L-Oppożizzjoni tappella lill-gvern biex jiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti fil-parlament

Hu ppropona li l-ħaddiema tal-parlament għandhom jaħdmu mid-dar u sostna li ma jistax ikun li l-parlament jibqa’ għaddej bix-xogħol normali. Il-parlament għandu jagħti direzzjoni li d-deputati jevitaw il-kuntatti għax jista’ jkun hemm affarijiet gravi; dan għandu jsir b’rispett lejn id-deputati u lejn il-poplu. Għalhekk il-parlament illum m’għandux jiltaqa’, sostna David Agius.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield sostna li mhux se jiġu 68 deputat jiddiskutu l-l-ipslussivi għax id-deputati qatt ma jattendu kollha. Hu qal li l-Ministru Chris Fearne tkellem mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-coronavirus u kompla li l-vot dwar il-budget hu urġenti għax jiddependi l-pagi tal-ħaddiema tal-gvern. Glenn Bedingfield ma qabilx li l-parlament jieqaf llum u ħabbar li fl-4 pm, il-Prim Ministru se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia tkellem dwar il-miżuri li ħa l-parlament quddiem il-coronavirus biex jiżgura li l-parlament ikompli bix-xogħol waqt li s-saħħa tad-deputati tkun imħasra. Għalhekk mhux se jitħallew jidħlu viżitaturi, hemm restirzzjoni għall-pubbliku fil-kumitat tal-Kamra, iddaħħlu diversi miżuri sanitarji, kien sospiż is-safar, se jsir użu ta’ video conferences fejn hu possibbli u twaqqfu ż-żjarat fil-parlament

L-Oppożizzjoni tinsisti li llejla d-deputati m’għandhomx
jinġiebu d-deputati kollha biex jivvutaw

L-Ispeaker qal li fl-Italja u fi Spanja l-parlament naqqas ix-xogħol waqt li f’parlamenti oħra x-xogħol baqa’għaddej b’kawtela. Hu ppropona li jsir ftehim bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni. 

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius issa jsostni fis-sessjoni plenarja li qed isiru kuntatti bejn iż-żewġ naħat.