Coronavirus Lokali

“Il-Gvern messu kellu l-kuraġġ jagħlaq ir-rotot minn fejn ġej il-mard” – UĦM, CMTU

Is-CMTU u l-UĦM, Voice of the Workers saħqu li jinsabu ddiżappuntati li fil-jum li f’pajjiżna tħabbru 9 każi ġodda ta’ persuni li mmarkaw pożittivi għal COVID-19, bl-ewwel każi trażmessi lokalment jibdew ifeġġu, saħqu li ppretendew li fid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela tal-lum kien ser jintroduċi travel ban u jagħlaq ir-rotot minn fejn ġej il-mard.

Huma saħqu li Robert Abela imissu jimxi ma’ kliemu stess u jġib l-ewwel prijorità saħħett iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Dan kollu issa qed jirriżulta f’tixrid tal-virus f’pajjiżna, b’mod speċjali qalb il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Ingħad ukoll li dan l-aġir huwa kontrastanti ħafna mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej l-oħra li jidher ċar li l-virus jibda jinqered meta jittieħdu deċiżjonijiet effettivi u drastiċi li min imexxi ma jibzgħax jeħodhom.

Is-CMTU u l-UĦM saħqu li l-poplu Malti u Għawdxi qed jippretendi aktar sabiex ma jkunx hemm numru qawwi ta’ mwiet u każi ta’ persuni morda serji kif ġara fejn ma ttieħdux deċiżjonijiet f’waqthom.