Lokali Parlament

Il-prezz ta’ pandemija hu ikbar minn ta’ lockdown

– Stephen Spiteri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri sostna li l-prezz ta’ pandemija tal-coronavirus hu ikbar minn ta’ lockdown.

Fil-parlament Stephen Spiteri qal li dan hu żmien diffiċli li se joħloq sfidi kbr għall-pajjiż fis-saħħa, fis-servizzi, fit-turiżmu, fix-xogħol, fis-settur soċjali u fil-ħajja tal-poplu.

Din hi infezzjoni li kulħadd hu vulnerabbli għaliha u għalhekk l-aġenda ma tistax tkun partiġġjana iżda jrid ikun hawn politika waħda bl-aħjar ideat flimkien. Jeħtieġ li kulħadd ikun umli biex kulħadd jara l-prijoritajiet tal-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li pajjiżi ikbar minn Malta qed jikkrollaw bħall-Italja fejn hemm mortalità ta’ 7%; sitwazzjoni terribbli li qed toħloq koas sħiħ u pressjonijiet fuq is-settur tas-saħħa. L-awtoritajiet Maltin qed jagħmlu l-aħjar tagħhom fejn il-konsulenti huma mħejjija iżda l-pajjiż irid ikollu pan biex il-pajjiż ikun proattiv biex l-isfida tkun minimizzata fl-impatt tagħha.

Hu qal li jekk jintilef il-kontroll ikun diffiċli biex il-pajjiż ilaħħaq; illum kienu reġistrati 50% żieda fil-każi b’disa’ każi ġodda fejn seħħet l-ewwel trasmissjoni lokali. Malta qed titla’ l-iskala kif għamlu pajjiżi oħra iżda għandha vantaġġ li għadha wara pajjiżi oħra u għalhekk tista’ tara x’qed jiri biex il-pajjiż jevita dak li qed iseħħ f’pajjiżi oħra.

Għandu jkun hemm pjani serji biex ikun hemm inqas dħul ta’ pazjenti fl-isptarijiet għaliex dawn ma jifilħux eluf ta’ pazjenti li jkunu f’kundizzjonijiet gravi. Il-pajjiż ma jiflaħx ħafna pazjenti li jkollhom bżonn makkinarju ball-ventilaors; il-pajjiż għandu bżonn is-sors u t-teknoloġija kif ukoll ir-riżors uman li wkoll huma limitati.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun hawn loġistika u jsiru miżuri drastiċi waqt li jkunu evitat dak li seħħ f’pajjiżi oħra. Jeħtieġ li l-virus ikun kontrollat skont kif tiflaħ is-sistema billi ma jkunx hemm attivitajiet soċjali fejn jinfirex il-virus.

Għandu jkun hemm iżolament fir-residenzi fejn hemm persuni vulnerabbli. Il-fruntieri għandhom ikunu magħluqa biex ma jkunx hemm importazzjoni ta’ persuni li jistgħu jżidu l-virus.

Hu appella biex ikun hawn lockdowns separati minn xulxin biex is-sistema tas-saħħa tingħata nifs tirkupra. Irid ikun ikkunsidrat li persuni oħra wkoll jkollhom bżonn il-kura għal mard ieħor li wkoll iridu jingħataw il-kura immedjata. Il-miżuri jridu jkunu drastiċi biex jitnaqqas it-tifrix tal-virus.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-prezz ta’ lockdown hu iebes fuq diversi setturi iżda l-prezz ta’ pandemija hu ħafna ikbar; pandemija bħal din se tħalli l-ħajja tal-persuni li ħafna minnhom huma vulnerabbli.

Għandu jkompli jissaħħaħ l-iscreening tal-persuni infettati u jiżdied l-infurzar waqt li tissaħħaħ l-edukazzjoni. L-ikel u l-mediċini m’għandhomx ikunu nieqsa, sostna d-deputat Nazzjonalista, li tkellem ukoll dwar il-kura primarja u l-importanza li din tkun imħarsa.

Stephen Spiteri għamel kuraġġ lil dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa li m’humiex jibżgħu anzi qed jagħtu l-aqwa servizz lill-pazjenti.