Coronavirus Sport Sport Ieħor

It-tournaments WTA sospiżi sat-2 ta’ Mejju

(Ritratt: EPA)

Wara l-aħħar spekulazzjonijiet dwar il-futur imminenti tat-tennis tan-nisa, il-World Tennis Association issospendiet it-tournaments sat-2 ta’ Mejju minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Fl-aħħar jiem ġie deċiż li t-tournaments ta’ Stuttgart, Istanbul u Praga mhux se jsiru kif skedat.

Kelliem għall-Assoċjazzjoni qalet li minħabba t-tixrid tal-Covid-19, dawn it-tliet tournaments kellhom jitħassru. Jidher li deċiżjoni dwar il-kumplament tal-avvenimenti f’dan l-istaġun fuq il-court tat-tafal fl-Ewropa, mistennija ssir aktar tard din il-ġimgħa.

L-avvenimenti fil-Messiku u l-Kolombja tħassru l-ġimgħa l-oħra minħabba l-għeluq tal-bordura internazzjonali u r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar kawża tat-tixrid tal-coronavirus. L-ATP diġà ssospendiet it-tournaments professjonali tal-irġiel għal sitt ġimgħat.