Lokali

L-Oppożizzjoni tressaq proposti konkreti għall-Kunsilli Lokali dwar l-imxija tal-COVID-19

Fi stqarrija maħruġa mill- Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali PN (KKLPN) u Kordinatur Kunsilli Lokali PN Charles Bonello, stqarrew kif wara talba li saret mill-Oppożizzjoni permezz tal-Kelliem responsabbli mill-Kunsilli Lokali Robert Cutajar sabiex b’mod urġenti tissejjaħ laqgħa mal-Ministru sabiex jittieħdu deċiżjonijiet sabiex filwaqt li jiġi mħares l-operat tal-Kunsilli Lokali, fl-istess waqt tkun qed tiġi mħarsa s-saħħa tal-Kunsillieri u l-ħaddiema li jaħdmu fl-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali  u dawk tar-reġjuni f’Malta u Għawdex.


L-Oppożizzjoni f’din il-laqgħa li saret aktar kmieni llum ressqet lill-Gvern numru ta’ proposti sabiex jiġu kkunsidrati u jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Dawn il-proposti jinkludu fost l-oħrajn metodu kif għandhom jibqgħu jsiru laqgħa iżda b’numru minimu ta’ kunsillieri, jiġu posposti l-laqgħa annwali tal-Kunsilli kif ukoll miżuri li jiġu mħarsa saħħet il-ħaddiema u l-istess kunsillieri.


Il-Gvern informa lil dawk preżenti li kien se jieħu konsiderazzjoni ta’ dak li qed tghid l-Oppożizzjoni u ntrabat li fejn hemm il-bżonn kien se joħroġ avviż legali sabiex jidħlu fis-seħħ dawn il-proposti. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ mhux biss jikkopera mal-Gvern iżda wkoll se jibqa’ viġilanti sabiex jittieħdu l-passi kollha neċessarji li jissalvagwardjaw il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-Partit Nazzjonalista, apparti l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar kien hemm ukoll it-tliet Presidenti tar-Reġjuni eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista Samuel Azzopardi, Michael Fenech Adami u Anton Mifsud u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali PN (KKLPN) u Kordinatur Kunsilli Lokali PN Charles Bonello.  

Il-Proposti jinkludu fost l-oħrajn –

  • Kunsilli Lokali li għandhom il-laqgħat skedati għall-gimghat li ġejjin, jsejħu laqghħa b’urġenza u jkunu eżenti milli jagħmlu item wieħed fuq l-aġenda sabiex jiddiskutu fil-qosor u japprovaw dawk il-materji li huma urġenti bħal ez il-ħlasijiet;
  • Il-laqgħat tal-Kunsill għandhom ikunu qsar kemm jista’ jkun u l-laqgħat imsejħa għandhom ikunu mill-inqas possibbli;
  • Meta tissejjaħ il-laqgħa tal-Kunsill, mal-mejda għandhom ipoġġu biss numru ta’ kunsillieri biżżejjed kemm jinżamm il-kuorum.
  • Il-Kunsillieri mal-mejda jkunu ġejjin minn partiti differenti iżda dejjem nirrispettaw il-maġġoranza;
  • Il-laqgħat tal-Kunsill għandhom isiru bil-magħluq iżda jibqgħu jiġu trasmessi live;
  • Il-laqgħat tal-Lokalità li huma skedati li jsiru sal-15 ta’ April jiġu posposti sakemm joħroġ avviz ieħor mid-Dipartiment tal-KL;
  • Għandha tiġi kkunsidrata jekk l-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali għandhomx jibqgħu jinfetħu nhar ta’ Sibt;
  • Dan kollu sakemm jirrispetta d-direttivi li jinħarġu mid-Dipartiment tas-Saħħa liema direttivi għandhom jissuperaw dawk li joħroġ id-dipartiment.
  • Għandna naraw li l-Kunsilli Lokali jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex nassiguraw is-saħħa u s-Sigurta’ tal-Ħaddiema tal-Kunsilli Lokali
  • Li l-Pubbliku jitħeġġeġ sabiex kemm hu possibbli jikkomunika mal-Kunsilli lLokali bit-telefon jew permezz tal-media socjali jew elettronika;
  • Li fl-Uffiċċju tal-Kunsilli Lokali jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex filwaqt li l-pubbliku jibqa’ jiġi moqdi, l-ħaddiema jħossuhom siguri u li huma protetti;
  • Li safejn possibbli, l-pubbliku jiġi moqdi minn wara lqugħ bħal ez. minn wara l-ħġieġ;
  • Li l-Kunsill Lokali jikkanċellaw kull attività li tinvolvi lill-pubbliku u jħeġġu lill-għaqdiet tal-lokal jagħmlu l-istess;
  • Li l-Gvern jalloka fondi speċjali sabiex jagħmel tajjeb għal spejjeż żejda li lKunsill se jidħol fihom minhabba dawn il-miżuri;
  • L-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali għandhom tal-inqas jiħu maħsula / diżinfettati darbtejn kuljum;
  • Il-Kunsilli Lokali għandu jkollhom sanitizers biżżejjed kemm għall-pubbliku kif ukoll għall-istaff;
  • Dak kollu li japplika għall-Kunsilli Lokali japplika għar-Reġjuni.