It-tħassib dwar it-tixrid tal-coronavirus ħalla impatt ukoll fuq ir-Regatta hekk kif il-Ħamis li għadda tħabbar li r-Regatta tal-31 ta’ Marzu tħassret minħabba s-sitwazzjoni li qed tevolvi b’mod kontinwu. Dan is-sit ħa l-kummenti tal-qaddief ta’ Bormla Dennis Thornton. Mingħajr tlaqliq, Thornton ma qabilx mad-deċiżjoni li r-Regatta titħassar għaliex “dak id-delizzju tiegħi u kont ili xahrejn nitħarreġ fil-baħar.”
Minkejja li ma qabilx mad-deċiżjoni, Thornton jifhem li d-deċiżjoni mill-Għaqda Regatta u Qdif Ieħor saret għall-ġid ta’ kulħadd fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa. Għalkemm tħassret l-edizzjoni ta’ Marzu, mhux se jħalli effett fuq Thornton fit-taħriġ tiegħu. “Jien nitħarreġ is-sena kollha. Fi żmien tar-Regatta, ġieli nitħarreġ darbtejn. Filgħodu nagħmel crossfit training u filgħaxija qdif. Bħalissa qed nagħmel crossfit u circuit training ix-xogħol filwaqt li niġri wkoll.”
Dennis Thornton hu meqjus fost l-aqwa qaddiefa fl-istorja tar-Regatta. F’Settembru li għadda flimkien ma’ Clive Casha, Thornton rebaħ it-tellieqa Tal-Pass b’żewġ imqadef għal rekord 16-il darba b’mod konsekuttiv filwaqt li kien parti integrali mit-tim ta’ Bormla li fl-aħħar sentejn f’Settembru, rebaħ it-tlielaq kollha fil-Kategorija Open.
//= $special ?>