Lokali

Raġel isofri ġrieħi serji f’sit ta’ kostruzzjoni

Raġel kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li weġġa’ waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni f’San Ġiljan.

Kienu għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart x’ħin il-Pulizija kienu infurmati midDipartiment tas-saħħa li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Lapsi.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel Taljan ta’ 59 sena, residenti Birżebbuġa, weġġa’ wara li għal xi raġuni waqa’ travu fuqu waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fl-istess sit.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lil vittma l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.