Internazzjonali

Stati Uniti: Dibattitu sinfikanti bejn Biden u Sanders — bit-tnejn jattakkaw lil Trump

L-aħħar żewġ kandidati li għadhom jissieltu għan-nomina tal-Partit Demokratiku biex jikkuntestaw kontra Donald Trump għall-Presidenza tal-Istati Uniti kellhom dibattitu sinifikanti – u kultant jaħraq – bejniethom f’Washington; bit-tellieqa għall-White House qed tkompli taħt id-dell tal-firxa globali tal-coronavirus.

L-eks Viċi President Amerikan Joe Biden u s-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders, sadattant qablu li min joħroġ tellief fl-impenn għan-nomina Demokratika għandu jappoġġja lill-kandidat rebbieħ bil-għan li dan, f’Novembru li ġej, jegħleb lir-Repubblikan Trump fl-elezzjoni għall-Presidenza.

Waqt id-dibattitu, Biden u Sanders attakkaw il-mod kif Donald Trump wieġeb għall-pandemija tal-coronavirus, fost akkużi li l-President tellef il-ħidma tax-xjenzati tiegħu stess b’kampanja ta’ misinformazzjoni.

Fl-istess ħin, Biden u Sanders ħadu vantaġġ mill-ewwel dibattitu wiċċ-imb-wiċċ tal-kampanja maratona biex jikkuntestaw lil xulxin dwar diversi aspetti politiċi li varjaw mill-kura tas-saħħa u l-bidliet fil-klima sal-issue tad-diportazzjonijiet u l-politika barranija.

Joe Biden, li jibqa’ il-favorit li jikseb in-nomina biex jiffaċċja lil Trump, qal li se jimpenja ruħu biex, f’każ ta’ konferma mid-delegati, jagħżel mara bħala r-running mate tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali.

Min-naħa tiegħu, Bernie Sanders qal li hu wkoll dispost li jagħżel mara biex tikkuntesta miegħu għall-kariga ta’ Viċi-President futur. Dan wara li xejn anqas minn sitt nisa kienu ħadu sehem fit-tellieqa għan-nomina tal-Partit Demokratiku li bdiet disa’ xhur ilu u li issa dieħla għall-fażi li jmiss tal-primarji (li jsiru għada) għad-Demokratiċi f’erba’ Stati kbar li huma Ohio, Illinois, Florida u Arizona.