Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

Studenti tobba tal-5 sena joffru li jassistu lill-kura tas-saħħa f’pajjiżna

Stennija għat-tweġiba tal-Gvern għall-offertà nobbli ta' dawn l-istudenti

Bosta studenti tal-mediċina tal-5 sena fl-Università ta’ Malta, u għalhekk qegħdin 3 xhur ‘il-bogħod minn tmiem il-kors, offrew li jagħtu daqqa t’id lis-servizz tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna.

Il-ħsieb wara l-offertà, li kien espress minn madwar 90 student, kien li apparti li jassistu lis-servizz tas-saħħa, huma jkomplu fil-prattika bi preparazzjoni għall-professjoni wara li twaqqfu mil-lezzjonijiet fl-Università u mill-prattika f’Mater Dei.

Kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon, kif ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, Martin Balzan, ilkoll esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom li jilqgħu lil dawn l-istudenti fil-professjoni iżda dan ma jiddependix minnhom iżda mill-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Wieħed għadu jrid jevalwa kif il-Gvern se jirreaġixxi għal din l-offertà nobbli peress li f’dawn l-aħħar jiem jaf ġie affettwat is-servizz offrut fil-qasam tas-saħħa. Dan hekk kif hemm bosta ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jinsabu fi kwarantina wara li ġew f’kuntatt ma’ kollegi sħabhom li kienu msiefra u rriżultaw fil-pożittiv għall-COVID-19.