Sport Sport Ieħor

Trump isir l-ewwel plejer li jirbaħ sitt ranking tournaments fi staġun

(Ritratt: World Snooker)

Judd Trump sar l-ewwel plejer li rebaħ sitt ranking tournaments fi staġun wara li għeleb lil Kyren Wilson 4-3 biex kiseb l-Open ta’ Ġibiltà. F’dan l-istaġun, Trump rebaħ l-International Championship, il-World Open, l-Open tal-Irlanda ta’ Fuq, il-Masters tal-Ġermanja u l-Players Championship.

Dan l-unur fisser li hu qabeż lil Stephen Hendry, Ronnie O’Sullivan, Ding Junhui u Mark Selby li kollha kienu rebħu ħames ranking tournaments fi staġun. Minbarra l-prestiġju tal-unur, Trump rebaħ ukoll madwar €220,000 fi premijiet.

L-Ingliż ta’ 30 sena wettaq breaks ta’ 125, 144, 123 u 63, b’Wilson iwieġeb bi break ta’ 115 u 56, f’logħba li ntlagħbet fl-Europa Point Sports Complex iżda bil-bibien magħluqa.

Dan it-tournament spikka minħabba li sar fid-dawl tat-tixrid tal-coronavirus. Seba’ referees ma setgħux imorru għal dan it-tournament minħabba li t-titjiriet ġew ikkanċellati. L-Open taċ-Ċina f’Beijing kellu jintlagħab aktar tard dan ix-xahar iżda tħassar. Għada mistenni jibda t-Tour Championship magħmul minn tmien parteċipanti filwaqt li l-Kampjonat tad-Dinja fi Crucible Theatre hu skedat li jibda fit-18 ta’ April.