Coronavirus Formula 1 Sport

Verstappen u Norris isibu mod kif isuqu minkejja l-posponiment tal-istaġun tal-Formula 1

(Ritratt: Sky Sports)

Għalkemm l-istaġun tal-Formula 1 hu temporanjament sospiż, is-sewwieqa Max Verstappen u Lando Norris xorta sabu mod kif itellqu. Iż-żewġ żgħażagħ ikkompetew permezz tal-eSports, b’Verstappen jispiċċa fil-11-il post f’tellieqa virtwali bl-isem All-star Esports battle kontra gamers professjonali. Norris spiċċa fis-sitt post f’tellieqa oħra virtwali bl-isem Not the Aus GP. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Norris qal li kien aktar nervuż f’dawn it-tlielaq minn meta jkun jinsab f’karozza vera.

Verstappen rebaħ waħda mill-fażijiet ta’ kwalifikazzjoni mill-pole position iżda kkwalifika fid-disa’ post fil-finali. L-Olandiż ta’ 22 sena tilef il-kontroll fl-ewwel kantuniera u niżel fit-18-il post iżda minkejja li reġa’ tilef il-kontroll ftit wara, irnexxielu jirkupra numru ta’ pożizzjonijiet. Fost dawk li ħadu sehem kien hemm l-eks sewwieqa tal-Formula 1 Juan Pablo Montoya u Rubens Barrichello flimkien mat-tfal tagħhom. Fl-avveniment ta’ Norris, ipparteċipa l-gowlkiper ta’ Real Madrid Thibaut Courtois.