Coronavirus Lokali Saħħa

8 każi ġodda: Il-każi pożittivi f’Malta jitilgħu għal 38… fosthom tifel ta’ 3 snin

Jitilgħu għal 38 il-każi ta’ persuni pożittivi f’pajjiżna, fosthom tifel ta’ tliet snin. It-tifel li huwa Malti jinsab fi stat ta’ saħħa tajba. Huwa ma kienx qed imur skola. It-tifel kien f’kuntatt ma’ wieħed mill-persuni li huma infettati bħalissa.

It-tieni u t-tielet każi huma ta’ familja Taljana li tgħix Malta: missier ta’ 58 sena u tifel ta’ 15-il sena.

Każ ieħor huwa persuna ta’ 59 sena, Ingliża li tgħix Malta imma fil-5 ta’ Marzu daħlet l-Isptar ħabba ksur. Fit-13 ta’ Marzu ħarġula sintomi respiratorji. Sar it-test u rriżultat pożittiv. Kollox jindika li hija ħadet il-COVID-19 waqt li kienet rikoverata l-Isptar. L-istat ta’ saħħa tagħha huwa tajjeb.

Il-ħames każ huwa ta’ mara Maltija ta’ 26 sena li marret l-Ingilterra u ġiet lura fit-13 ta’ Marzu u qagħdet kwarantina. Fl-14 ta’ Marzu bdiet tħoss is-sintomi.

Każ ieħor huwa ta’ Malti ta’ 28 sena li ma kienx imsiefer imma fejn jaħdem kien hemm persuna li kien Sqallija u allura x’aktarx kellu kuntatt ma’ din il-persuna.

Is-seba’ każ hu ta’ raġel ta 62 sena li ġie mill-Ingilterra, wasal Malta u fil-15 ta’ Marzu beda jħoss is-sintomi. Huwa kien jinsab fi kwarantina.

Każ ieħor huwa ta’ raġel ta’ 52 sena li huwa Malti li ma sifirx u ma kellux kuntatti ma’ nies li siefru. Fl-10 ta’ Marzu żviluppa deni u sogħla. S’issa għadu mhux magħruf minn fejn ġie il-kuntatt li seta’ kelllu dan ir-raġel. Hemm possibbiltà li ttieħed minn gym.

S’issa b’kollox saru 1,650 swabs.