Lokali

AĠĠORNATA: Każ misterjuż f’Santa Luċija

Raġel jinstab bla ħajja imgeżwer f'boroż tal-plastic f'appartament f'Misraħ Dorell

Każ li għadu mdawwar b’ħafna misteri, domandi u punti li mhumiex ċari. Każ li kiser il-ħemda tar-raħal ċkejken ta’ Santa Luċija…fejn propju instabet mejta din il-persuna.

Kien għall-ħabta tat-3.30pm tat-Tlieta, meta nstab katavru f’appartament f’Misraħ Dorell, f’Santa Luċija, f’każ li jidher li hu ta’ omiċidju.

Minkejja li l-persuna nstabet kmieni wara nofsinhar, jidher li kienet ilha mejta, għaliex il-girien kienu ilhom ma jaraw lill-ġar tagħhom, u kienu huma li ċemplu lill-Pulizija għall-ħabta tas-2pm wara li xammew riħa qawwija ħierġa mill-post. Il-vittma instab bla ħajja fl-art fil-kamra tal-banju tal-appartament, imgeżwer f’boroz tal-plastic.

Ritratt: Matthew Tabone

Minn informazzjoni li għandu Net News jidher li r-raġel mejjet huwa Victor Mckeon, ġuvni li miegħu kien jgħix Għarbi, li ma deher imkien fl-aħħar jumejn. Dan huwa l-istess raġel li fil-11 t’Awwissu 2017 kien ġiet attakkat f’għonqu billejl fl-istess appartament. Wara li kien għamel xi żmien l-isptar, Mckeon kien ġie rrilaxxat.

Fl-istess każ tal-2017, l-Għarbi in kwistjoni kien ħareġ immanetjat u wara xi żmien reġa’ mar joqgħod ma’ Mckeon.

Għall-ħabta tal-5pm, il-katavru nħareġ mill-appartament fejn aktar tard ittieħed il-kamra mortwarja permezz ta’ hearse tal-Pulizija.

Il-Pulizija, li kienu megħjuna mid-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili, għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħha filwaqt li nfetħet inkjesta Maġisterjali, immexxija mill-Maġistrat tal-Għassa, Astrid May Grima.