Lokali Qorti

Ali Sadr jinstab ħati ta’ frodi

Is-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad instab ħati ta’ frodi wara li għadda ġuri f’Qorti fl-Istati Uniti.

Ali Sadr, li kien iċ-Chairman ta’ Pilatus Bank ibbażat f’pajjiżna, qed jaffaċċja sentenza ta’ 30 sena ħabs fuq din l-akkuża biss.

Ali Sadr instab ħati fuq ħafna mill-akkużi ppreżentati kontrih. Hu instab ħati li kkonfoffa biex iwettaq frodi fl-Istati Uniti, iżda ma nstabx ħati tal-akkuża ta’ konfoffa biex iwettaq ħasil ta’ flus fl-Istati Uniti.

Il-bank Pilatus kien ilu fiċ-ċentru ta’ kontroversja politika wara minn sensiela ta’ rapporti sensittivi mill-FIAU. Kien biss wara li l-media kixfet dawn ir-rapporti u l-intriċċi kollha ta’ Ali Sadr…li l-licenzja bankarja tiegħu ġiet revokata.

Intant, jidher li wara l-verdett, il-Prosekuzzjoni talbet biex jiġi revokat il-ħelsien mill-arrest ta’ Ali Sadr u biex il-bankier jintbagħat il-ħabs.

L-avukat difensur qal li l-klijent tiegħu ma kienx f’riskju li jaħrab.

L-Imħallef qablet li Ali Sadr għandu jibqa’ arrestat f’daru. Il-Prosekuzzjoni iżda fakkret lill-Qorti Amerikana li Ali Sadr għandu ċittadinanza f’pajjiż li m’għandux ftehim ta’ estradizzjoni mal-Istati Uniti.

Dan ifisser li jekk jaħrab lejn l-Iran, ma jkunx jista’ jinġieb lura.

Sentejn ilu kienu ġew żvelati r-rabtiet mill-qrib li kien hemm bejn Ali Sadr u t-tmexxija ta’ Kastilja. Tant illi kemm l-eks PM Joseph Muscat kif ukoll l-eks Chief of Staff Keith Schembri marru Venezja għaċ-ċerimonja taż-żwieġ tiegħu.

Dan l-aħħar ħareġ ukoll il-fatt li numru ta’ ufficjali tal-MFSA kienu irriżenjaw mill-awtorità wara li rrifjutaw li jagħmlu spezzjoni fil-Bank Pilatus.