Coronavirus Għawdex Lokali

Bżonn ta’ miżuri sabiex jiġi protett is-settur tal-volontarjat f’Għawdex

Filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin innotat bi pjaċir il-mħabbra mill-Prim Ministru is-Sibt, 14 ta’ Marzu 2020 fi stqarrija qalet li issa hemm bżonn li jitfasslu miżuri addattati biex jilqgħu għad-diffikultajiet speċifiċi ta’ Għawdex, li bħala riżultat ta’ insularità doppja, ser ibati minn konsgwenzi ikbar bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19.

L-istqarrija kompliet tgħid li settur importanti f’Għawdex li għandu jiġi mwieżen f’dan iż-żmien kritiku hu s-settur tal-volontarjat u non-governattiv f’Għawdex. Settur li permezz tal-ħidma tiegħu jagħti kontribut kbir lill-iżvilupp kulturali, ekonomiku u soċjali ta’ Għawdex b’mod partikolari; u tal-ekonomija nazzjonali b’mod ġenerali. 

Fil-kuntest tal-imxija tal-COVID-19 għadd mhux żgħir ta’ għaqdiet f’Għawdex qed ikollhom jipposponu, u f’ċerti każi anke jikkanċellaw, l-attivitajiet tagħhom.  Irrid jiġi apprezzat li f’ħafna drabi jkun saru spejjes konsiderevoli waqt il-fażi preparatorja ta’ kull proġett jew attività; spejjes li jekk ma jkunux rikoverati jistgħu jxekklu, jew saħansitra jpoġġu f’diffikultà kbira, l-għaqdiet volontarji infushom, kompliet tgħid l-istqarrija.

Għalekk l-Assoċjazzjoni titlob li fl-iqsar żmien possibli jiġi mfassal pakkett ta’ miżuri biex jilqa’ għal effett tas-sitwazzjoni preżenti fuq is-settur tal-volontarjat u non-governattiv f’Għawdex.

Fl-istess ħin l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin (Gozo NGOs Association) tassoċja ruħha mat-talba li saret mill-Gozo Businees Chamber (GBC) fejn din  appellat għal-djalogu mal-imsieħba soċjali kollha f’Għawdex.  Permezz ta’ djalogu miftugħ  ikun iktar assigurat li jiġu mfassla miżuri addattati għas-sitwazzjoni partikulari ta’Għawdex.