Lokali Parlament

“Ejja niżirgħu t-tama biex naħdmu lkoll flimkien u ngħelbu din il-gwerra”

– Il-Kap tal-Opożizzjoni Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella biex il-pajjiż kollu jingħaqad, jiżra’ fih it-tama li quddiem il-kriżi li qed iġġib il-marda tal-coronavirus, il-poplu jingħaqad biex flimkien jgħeleb din il-gwerra.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattiiu dwar il-coronavirus il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia irringrazzja lill-uffiċjali tas-saħħa, tobba u persuni kollha fis-settur tas-saħħa, il-FAM, il-Pulizija u l-ġurnalisti li qed jaħdmu kontra t-tixrid tal-virus. Hu qal li issa l-pajjiż jinsab fil-fażi dejn il-virus qed ikun trasmess fil-komunità; il-pajjiż issa tela’ skala fejn il-virus jista’ jinfirex iktar malajr. Issa ġej iktar piż fuq is-settur mediku u fuq l-effettività tal-protezzjoni li tingħata lil dawn in-nies fosthom ħaddiema fis-settur prvat li jinsabu fuq il-fruntiera kontra dan il-virus.

L-Oppożizzjoni kienet parteċipi u trid tgħin iktar f’din il-ġlieda u għamlet diversi proposti fosthom tnaqqis fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, is-sospenzjoni tal-VAT, l-estenzjoni tas-servizzi tal-ikel u l-mediċini lill-anzjani, l-għeluq tal-iskejjel, it-tagħlim fid-djar u għajuna lill-privat biex il-ħaddiema jaħdmu mid-dar partikolarment għal dawk li m’għandhomx dawn il-faċilitajiet. Il-PN għamel proposti oħra dwar Għawdex biex ikun hemm inqas tixrid fuq il-Gozo Channel u li l-ħaddiema Għawdxin jaħdmu mid-dar.

Il-gvern għandu jkun proattiv u mhux reattiv, sostna l-Kap tal-PN, li żied li l-PN ippropona li persuni ta’ iktar minn 60 sena li jaħdmu fis-settur mediku jingħataw iktar għajnuna, li tingħata għajnuna lill-kumpaniji b’help lines dwar kif jistgħu jgħelbu l-isfida li għandu quddiemhom, tingħata għajnuna lill-media biex din twassal l-informazzjoni u tingħata wkoll linformazzjoni bl-Ingliż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-PN insista fuq għajnuna lis-saħħa mentali, fis-solitudni, fl-ansjetà, fid-dipressjoni, b’help lines ta’ għajnuna u proposti fil-parti medika. Hu qal li fil-parti soċjo-ekonomika, il-PN iltaqa’ mal-imsieħba soċjali u sostna li l-gvern qed jagħti tort lin-negozji.

L-impjiegi għandhom ikunu salvagwardjati fejn il-gvern irid jagħmel l-ewwel pass waqt li l-Oppożizzjoni issostnih biex in-negozji jkunu mgħejjuna u jżommu lill-ħaddiema fl-impjiegi. Il-leave ta’ kwarantina kien meħtieġ iżda dan ma jistax jitgħabba fuq min iħaddem; il-piż ta’ dan il-leave għandu jittieħed mill-gvern kif ġara madwar id-dinja. Il-gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tas-salarji u jkun hemm capping wara li jkun konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. Dan minħabba li m’hemm ebda bejgħ iżda l-ispejjeż xorta jibqgħu għaddejjin. Għalhekk l-għajnuna ta’ 50% tas-salarji għandhom jingħataw issa; jekk ikun hemm is-sensji l-gvern xorta se jerfa’ l-piżijiet tas-sensji.

Il-gvern għandu jidħol mas-settur bankarju biex issir sistema u l-ħlasijiet tal-loans ikunu posposti. Din tista’ issir, ma jweġġa’ ħadd biex ikun jista’ jsir l-ippjanar. Jista’ jsir ukoll fond fejn il-banek isellfu b’rati baxxi u l-gvern jidħol garanti.

Il-gvern għamel tajjeb għall-kumpaniji kbar tal-enerġija li bihom insterqu l-Maltin u issa għandu tajjeb għall-Maltin u l-Għawdxin.

L-Oppożizzjoni lesta tappoġġja pakkett finanzjarju biex isalva l-impjiegi u n-negozji fil-pajjiż. Il-gvern għandu jaċċetta l-għajnuna ta’ kulħadd, sostna Adrian Delia, li żied li din hi gwerra kontra marda u mhux kontra xulxin; gewrra kontra virus li ma jidhirx.

Il-gwerra m’hix kontra l-Oppożizzjoni, kontra il-gvern jew kontra min iħaddem, jew kontra n-negozji jew kontra l-media. Hawn żewġ għedewwa; il-virus u l-ħin, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li ħadd waħdu ma jista’ jgħeleb din il-marda u din l-isfida. Għandi tama li f’dna il-pajjiż hawn ir-riżorsi umani neċessarji; ejja ninsew il-kuluri u l-avversarji tas-soltu u naħdmu flimkien biex niġġieldu ġlieda li nistgħu nirbħu biex il-pajjiż joħroġ b’saħħtu iktar flimkien, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.