Coronavirus Futbol Sport

Il-EURO 2020 posposta għas-sena 2021

(Ritratt: EPA)

Il-UEFA pposponiet il-Kampjonat Ewropew skedat għal Ġunju li ġej għas-sajf tas-sena d-dieħla. Id-deċiżjoni ttieħdet biex jagħtu aktar ħin lill-kampjonati madwar l-Ewropa biex ikomplu l-istaġun tagħhom wara l-posponiment kawża tal-coronavirus.

L-aħbar ġiet ikkonfermata mill-Federazzjoni Norveġiża fuq is-social media. Skont it-tweet tagħhom, il-kompetizzjoni se tintlagħab bejn l-11 ta’ Ġunju u l-11 ta’ Lulju.

Il-UEFA organizzat konferenza b’telefonata mal-55 assoċjazzjoni membru, il-bord tal-Assoċjazzjoni tal-klabbs Ewropej u l-bord tal-kampjonati madwar l-Ewropa. Il-Kampjonat Ewropew kellu jsir fi 12-il belt differenti u kellu jibda fit-12 ta’ Ġunju.

Illum ukoll, il-Copa America ta’ din is-sena li kellha ssir bejn it-12 ta’ Ġunju u t-12 ta’ Lulju ġie pospost ukoll għas-sena d-dieħla.