Lokali Qorti

Fattiga żagħżugħ imur 18-il xahar ħabs fuq serq ta’ ċurkett minn dar ta’ anzjana

Żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Ħamrun, li jaħdem bħala fattiga ġie kundannat 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li f’Awwissu tal-2018 seraq ċurkett mir-residenza ta’ anzjana.

Huwa kien qed jiġi akkużat li serqilha tliet ċrieket, fatt li huwa dejjem ċaħad. Kien waqt il-proċeduri li ammetta li seraq ċurkett wieħed. Hu huwa dejjem ċaħad li kien seraq tlieta. Meta ġie arrestat kien qed jiċħad l-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li jekk ghall-grazzja tal-argument, l-imputat Deelian Mifsud seraq ċurkett wieħed biss, xorta dan ifisser li huwa serq aggravat u li huwa reat. L-imputat ma nstabx ħati li sawwat lill-anzjana b’mod vjolenti u li poġġielha ħajjitha f’periklu.

Deelian Mifsud instab ħati li l-24 ta’ Awwissu, kmieni filgħodu, seraq lil anzjana ta’ 78 sena, residenti fil-lokalità ta’ ħ’Attard. Dan meta huwa għamel żmien jaħdem bħala fattiga fir-residenza tagħha.

Huwa kien qed jiġi mixli li kkommetta s-serq taċ-ċrieket f’perjodu ta’ jumejn mill-istess residenza tagħha, meta huwa reġa’ mar għandha fis-26 ta’ Awwissu.

L-anzjana qalet fil-Qorti li Mifsud kien intbagħat għandha minn kumpanija privata biex jagħmel xogħol ta’ tindif fir-residenza tagħha. Qalet li huwa kien mar tliet darbiet għandha. L-ewwel darba kien qalilha li li kien iħobb id-deheb.   Tenniet li jumejn wara kienet innutat li l-Mifsud kien ferħan u kellu ħafna karezzi magħha.

Kif telaq indunat li kienu naqsu tliet ċrieket, wieħed tal-kunsens u tad-deheb abjad bil-fosos bojod, ċurkett tat-tieġ u ċurkett ieħor. Mifsud għall-ewwel ċaħad li kien seraq xi deheb u kien qal lill-Pulizija li kieku kellu bżonn il-flus kien jaqbad u jmur għand il-Gram u jagħmilhom flus.

L-Ispettur Christina Delia, li ressqet lill-akkuat qalet li ġie deċiż li l-Pulizija tmur għand il-Gram u hawn irriżulta li ċ-ċurkett minnhom kien inbiegħ lill-kumpanija għas-somma ta’ €120.  

Aktar tard Mifsud kien ammetta li kien biegħ ċurkett wieħed għas-somma ta’ €100. Qal li kien għamel dan għal bintu. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li l-imputat kellu aċċess ghar-residenza tal-anzjana minħabba l-impjieg tiegħu. Ingħad ukoll li l-irċevuta taċ-ċurkett mhijiex ċara, dwar min kien li biegħ iċ-ċurkett lil ħanut tad-deheb. Fir-rigward li l-anzjana tqiegħdet f’sitwazzjoni li ġiet ipperikolata s-saħħa tagħha.

Hawn il-vittma qalet li ma għogobiex is-servizz ta’ tindif tal-imputat u li l-aħħar darba li mar fir-residenza tagħha huwa kellu hafna karezzi, iżda ma tindika xejn dwar sitwazzjoni fejn il-persuna jew is-saħħa taghha kienu f’perikolu minħabba l-aġir tiegħu.

Mifsud instab ħati wkoll li seraq mobajl f’Birkirkara, u dan fis-26 ta’ Frar 2019. Il-vittma kien ġie misruq mid-Dar Papa Frangisku, li tinsab Fleur De Lys. Mifsud inqabad minn filmati mis-CCTV fejn hemm kien ukoll jagħmel xi xogħol ta’ tindif.

L-imputat kien taħt ordni ta’ probation fejn ingħad li sakemm huwa kien fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin l-andament tiegħu kien wieħed pożittiv u meta ħareġ fuq libertà proviżorja l-kuntatt ma baqax regolari. Il-probation office spjegat li Mifsud għandu bzonn superviżjoni.

Il-Qorti sabitu ħati wkoll li sar reċediv un li huwa m’għarafx jużufruwixxi mill-opportunitajiet mogħtija lilu mill-Qrati sabiex jirriforma ruħu u għalhekk deherilha li timponi piena karċerarja effettiva ta’ 18-il xahar ħabs.