Ambjent Lokali

Il-bdiewa u r-raħħala inkwetati u jinsabu bla risposti – PN

Il-Partit Nazzjonalista jappella għas-serħan il-moħħ fil-qasam tal-biedja

“Il-bdiewa u r-raħħala qed jistaqsu mistoqsijiet u jistennew tweġiba. Ir-raħħala li għandhom annimali jew tjur fl-irziezet tagħhom iridu is-serħan tal-moħħ li jistgħu jibqgħu joperaw u jibqgħu jsibu minn fejn jixtru l-mediċini għall-annimali jew tjur tagħhom. Daqstant ieħor jeħtiegu li jkollhom aċċess ħieles minn fejn jixtru spareparts għal makkinarju li jekk jieqaf jaħdem jista’ jfisser mewt għall-annimali jew tjur.”

Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija t-Tlieta waranofsinhar, meta tenna li bħalissa mhuwiex żmien li fih tista’ tieqaf il-ħidma tal-bdiewa u raħħala tagħna. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li bħalissa anzi huwa żmien li l-gvern jgħin u jara li l-bdiewa u r-raħħala jibqgħu jaħdmu biex l-aċċess għall-prodott frisk għall-poplu tagħna jkun garantit.

Fl-istqarrija, il-PN tenna l-wegħda li jagħmel kull ma jista’ biex jibqa’ qrib tal-bdiewa, r-raħħala, ta’ kull self employed u sid ta’ negozju żgħir. Dan sabiex jara li kull negozju żgħir u kbir f’pajjiżna jkun kapaċi jirbaħ fuq dan iż-żmien ta’ diffikultajiet u jibqa’ jservi lill-poplu tagħna u lil kull min jiġi jżur lill-pajjiżna.