Coronavirus Futbol Sport

Il-Copa America posposta wkoll għas-sena d-dieħla

(Ritratt: EPA)

Il-Copa America ġiet posposta għas-sena d-dieħla minħabba l-biża’ dwar it-tixrid tal-coronavirus. Il-Konfederazzjoni tal-Futbol fl-Amerika ta’ Isfel, il-CONMEBOL, ħabbret id-deċiżjoni lbieraħ wara nofsinhar. It-tournament li jinvolvi 12-il tim, kien oriġinarjament skedat li jibda fit-12 ta’ Ġunju sat-12 ta’ Lulju fil-Kolombja u l-Arġentina. Din l-aħbar issegwi l-posponiment tal-Kampjonat Ewropew li wkoll se jsir is-sena d-dieħla.

Il-President tal-CONMEBOL Alejandro Dominguez qal li din hi miżura straordinarja għal sitwazzjoni mhux mistennija. Hu kkonferma li t-tournament se jintlagħab bejn il-11 ta’ Ġunju u l-11 ta’ Lulju. “Ma kinitx faċli li nieħdu din id-deċiżjoni iżda rridu nissalvagwardjaw il-ħin kollu s-saħħa tal-plejers tagħna u dawk kollha li jiffurmaw parti mill-familja tal-futbol fl-Amerika ta’ Isfel. Ma għandix dubju li l-eqdem tournament internazzjonali fid-dinja se jirritorna b’saħħtu aktar minn qatt qabel fl-2021,” kompla Dominguez.