Internazzjonali

Il-coronavirus fi Franza: Il-Pariġini jaħarbu lejn il-kampanja fost il-lockdown

Eluf kbar ta’ resident qabdu l-mezzi tat-trasport ‘il barra minn Pariġi biex joħorġu mill-inħawi qabel l-impożizzjoni ta’ lockdown mill-aktar strett, bil-għan li tonqos ir-rata tal-infezzjoni mill-coronavirus fil-kapitali Franċiża.

Filwaqt li n-nies kienu qed jużaw it-trasport pubbliku u l-ferroviji biex jivvjaġġaw lejn iz-zoni qalb il-kampanja, in-nies li kien għad fadal f’Pariġi taw ‘salt ieħor’ lejn is-supermarkets u l-ispiżeriji li baqgħu miftuħin taħt ir-restrizzjonijiet riġidi għall-ħajja pubblika li għadu kemm ħabbar il-President Franċiż, Emmanuel Macron.

L-eżodu minn Pariġi, iżda, qed jinkwieta bil-kbir lir-residenti fil-provinċji tal-pajjiż minħabba l-biża’ li n-nies li qegħdin jaslu mill-kapitali għandhom iferrxu l-virus u jaċċelleraw l-epidemija.

Minbarra li qed jeżerċita l-kontrolli mal-fruntieri ta’ pajjiżu, Macron ħareġ ukoll direttivi biex in-nies jibqgħu d-dar min-nofs-il lejl. L-uniċi raġunijiet li dawn jistgħu joħorġu huma biex imorru għax-xogħol ( f’każi essenzjali) inkella biex jixtru l-affarijiet bażiċi jew biex jingħataw il-kura medika. Minn issa, l-Armata Franċiża se tgħin biex twassal lill-morda lejn l-isptarijiet.

Fiċ-ċentru ta’ Pariġi – li s-soltu jkun fgat bit-traffiku – it-tfal kienu qed jilgħabu barra fit-toroq qabel kellu jidħol fis-seħħ il-lockdown, li mistenni jdum effettiv għal ġimgħatejn.

Sadanittant, in-nies fis-supermarkets tal-kapitali mlew it-trolleys tagħhom sal-massimu possibbli, filwaqt li injoraw it-talba tal-Gvern biex ma jsirux ‘ix-xirjiet eżaġerati xprunati mill-paniku’.

Iċ-ċifra tal-imwiet mill-coronavirus fi Franza sa ftit ilu kienet stabbilita mal-148, bin-numru tal-infettati fil-pajjiż jgħaddi s-6,600.

Franza – l-istess bħall-pajjiżi oħrajn tal-Ewropa li jinkludu l-Italja, il-Ġermanja u Franza – fl-aħħar sigħat għalqet l-iskejjel, ir-ristoranti u l-ħwienet tax-xorb, waqt li numru kbir ħafna ta’ fabbriki waqfu mill-produzzjoni.

Il-Ministru tal-Finanzi Franċiż, Bruno Le Maire, intant qed jistenna li l-ekonomija ta’ Franza tonqos b’wieħed fil-mija fl-2020.