Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta, l-Istitut għall-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, appellaw lill-awtoritajiet biex il-ġurnalisti, anke dawk li jaħdmu fuq bażi freelance, jitħallew jibqgħu jaħdmu, anke jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar.
Xogħol il-ġurnalist hu essenzjali mhux biss biex jitrażmettu l-informazzjoni tal-awtoritajiet, imma anke biex ikun il-vuċi tal-pubbliku. Għalhekk, l-IĠM tappella biex jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni sabiex il-ġurnalisti jibqa’ jkollhom l-opportunità li waqt il-konferenzi tal-aħbarijiet. B’hekk, il-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu il-mistoqsijiet tagħhom u r-restrizzjoni titwessa għal tliet domandi kull ġurnalist mhux waħda biss.
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-COVID-19, l-Istitut tal-Ġurnlaisti Maltin irringrazzjat lill-ġurnalisti, fotografi, camerapersons u dawk kollha li qed iwasslu l-aħħar informazzjoni dwar il-virus. Il-ġurnalisti qed ikollhom rwol kruċjali biex ikunu ta’ servizz għall-pubbliku billi qed iwasslu informazzjoni utli biex il-pubbliku jaġixxi b’deċiżjonijiet infurmati.
L-IĠM appellat lill-ġurnalisti biex f’ħidmiethom isegwu dawn il-punti, intiżi biex ma jinħoloqx paniku żejjed waqt li jibqgħu jkollna rappurtaġġ fattwali u ibbilanċjat:
- Jiġu kwotati dejjem sorsi uffiċjali, partikolarment esperti mediċi,
- Ikunu kawti fit-titli li jużaw biex ma joħolqux allarm bla bżonn
- Ikunu kawti fl-aġġettivi li jintużaw fl-artikli biex ma jinħoloqx alarm bla bżonn
- Attenzjoni għar-ritratti u l-filmati li jintużaw mal-istejjer biex jitwassal il-messaġġ meħtieġ, ma jinħolqux preġudizzji/sterjotipi fuq persuni li jistgħu jidhru fir-ritratti u biex ma jinħoloqx allarm bla bżonn
- Isegwu l-Linji Gwida għall-Etika Ġurnalistika tal-IFJ li għandhom iħaddnu dejjem f’ħidmiethom.
Fi żminijiet bħal dawn, l-IĠM tgħid li l-media għandha tkun punt ta’ referenza u ta’ fiduċja għall-pubbliku, bħalissa mifni b’fake news u spekulazzjonijiet varji li jduru fuq il-mezzi soċjali. Appellat lill-pubbliku biex jinforma ruħu fuq xogħol il-ġurnalisti, li huma marbuta li jivverifikaw l-informazzjoni li jippublikaw.
Il-ġurnalisti jinsabu hemm biex iservu lill-pubbliku. F’każ li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, il-ġurnalisti jibqgħu għodda kruċjali biex titwassal l-aħħar informazzjoni u l-aktar waħda fattwali lill-pubbliku. Għaldaqstant, l-IĠM ħejjiet numru ta’ miżuri li l-ġurnalisti jistgħu jieħdu biex jipproteġu lilhom infushom:
- Iżommu mill-inqas żewġ metri ‘il bogħod minn persuni oħra,
- Ineħħu l-windshield tal-microphone li jista’ jiġbor fih ħafna mikrobi,
- Inaddfu l-apparat (inkluż microphone, kameras u anke il-mobiles) b’mod regolari b’antiseptic wipes
- Iżommu antiseptic hand rub jew wipes fil-karozzi u jnaddfu idejhom wara kull servizz
- Iħallu siġġu jew tnejn vojta bejniethom u bejn persuni oħra
- Jużaw ta’ mic-exentension
Intant, din is-sitwazzjoni ma ħallietx triq oħra lill-IĠM biex tissospendi l-Laqgħa Ġenerali Annwali skedata għas-7 t’April għal data ohra fil-futur. Id-data tigi komunikata ‘il quddiem.
L-IĠM tixtieq tirringrazzja ukoll lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa għax-xogħol li qed iwettqu f’dan iż-żmien delikat. Huma kommessi li jiġbdu ħabel wieħed għall-ġid komuni.
//= $special ?>