Il-kompetizzjonijiet kollha domestiċi tal-futbol se jibqgħu sospiżi sal-5 ta’ April wara li l-Bureau tal-Malta Football Association iltaqa’ biex jiddiskuti d-deċiżjonijiet u d-direttivi maħruġa mill-UEFA. Id-deċiżjoni ttieħdet wara laqgħa video conference li saret aktar kmieni llum mal-55 Assoċjazzjoni Membri tal-UEFA. Il-Ħamis li għadda, l-MFA kienet iddeċidiet li tipposponi l-logħbiet domestiċi sat-23 ta’ Marzu.
Il-Bureau tal-MFA ddeċieda wkoll li jipposponi d-data tal-għeluq tal-liċenzji tal-klabbs li kien skedat għas-6 ta’ Ġunju filwaqt li l-UEFA mistennija wkoll tipposponi d-data tal-għeluq tal-pagamenti b’lura li kienet sal-31 ta’ Marzu.
Intant il-UEFA qalet li l-kompetizzjonijiet u l-logħbiet kollha tal-irġiel u n-nisa għall-klabbs u t-timijiet nazzjonali huma posposti għalissa. Dan iffisser li l-logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena kontra l-Ukrajna u l-Finlandja, ġew posposti għal Ġunju. Il-Malta Football Association kienet diġà ħabbret li l-partiti ta’ ħbiberiji kontra Ġibiltà fis-26 ta’ Marzu u l-Ażerbajġan erbat ijiem wara fl-Istadium Nazzjonali tħassru.
L-MFA ħabbret ukoll li l-MFA Awards li kienu skedati li jiġu organizzati fil-15 ta’ Mejju, ġew posposti għal data aktar tard.
//= $special ?>