Lokali Parlament

Il-kriżi tal-coronavirus diskussa llum fil-parlament

Il-Gvern ċeda għall-pressjoni tal-Oppożizzjoni u fl-aħħar qabel li jiddiskuti l-krii tal-coroanvirus fil-parlament

Il-parlament Malti llum fl-4 pm se jiltaqa’ biex jiddiskuti l-kriżi tal-corona virus li issa qed teffettwa diversi setturi f’Malta.

Dan id-dibattitu se jsir fuq insistenza twila tal-Oppożizzjoni li ilha għal diversi ġranet tappella lill-Gvern biex jissospendi l-aġenda tal-parlament u jiddiskuti l-kriżi intenazzjonali tal-coronavirus. Kienet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista wkoll li nsistiet li sa mill-ġimgħa li għaddiet isiru stqarrijiet ministerjali dwar din il-kriżi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien ilu jikkritika lill-Prim Ministru Robert Abela
li mhux jiddibatti l-coronavirus fil-parlament

Fil-parlament diversi drabi l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia insista li l-Prim Ministru Robert Abela kellu jagħmel stqarrija ministerjali u dibattitu parlamentari dwar din il-kriżi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika wkoll il-fatt li propju lbieraħ fil-ħin tal-parlament, il-Prim Ministru għażel li jindirizza konferenza tal-aħbarijiet minflok jindirizza l-parlament.

Is-suġġett kien diskuss ukoll f’laqgħa tal-Kumitat Paramentari għax-Xogħol tal-Kamra li lbieraħ iddiskuta l-ħidma parlamentari li qed jipproponi l-gvern għall-ġimgħatejn li ġejjin. Minkejja l-kriżi tal-coroanvirus, fl-aġenda tal-gvern ma kien hemm imkien speċifikat li l-gvern se jiddiskuti l-coronavirus. Kien propju f’dan il-kumitat tal-bieraħ li l-Viċi-Kap tal-PN David Agius insista li ma jagħmilx sens li l-gvern jibqa’ jirrifjuta li jiddiskuti l-coronavirus meta din il-kriżi internazzjonali issa laqtet lil Malta.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius insista li l-gvern għandu miżuri neċessarji
dwar is-saħħa fil-parlament

L-Oppożizzjoni lbieraħ pproponiet li d-dibattitu jsir ilbieraħ stess iżda l-gvern baqa’ joġġezzjona u lbieraħ il-parlament Malti iddiskuta liġi li tneħħi ċ-ċnut li jdawru l-kmamar tan-nar. Din il-pożizzjoni tal-Gvern lbieraħ ġabet kritika qawwija mill-Oppożizzjoni bid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami jsostni li hu surreali li quddiem din il-kriżi l-gvern Laburista jressaq liġi biex jiddiskuti ċ-ċnut li jdawru l-kmamar tan-nar.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna fil-parlament li hu surreali li l-parlament Malti lbieraħ ma ddiskutiex il-kriżi tal-coronavirus

Is-sitwazzjoni kellha żblokk aktar qabel ilbieraħ stess meta wara appell li sar mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, kien hemm kuntatti bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fejn il-Gvern bidel il-pożizzjoni tiegħu u aċċetta li l-kriżi tal-coronavirus tkun diskussa llum fl-4 pm f’dibattitu parlamentari li fih ma jittieħdex vot.