Coronavirus Sport

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jibqa’ kommess li l-Olimpjadi jsiru kif ippjanat

(Ritratt: EPA)

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jibqa’ kommess li l-Olimpjadi f’Tokyo jkunu organizzati kif ippjanat minkejja t-tixrid tal-coronavirus. Fi stqarrija, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li wara diskussjonijiet ma’ federazzjonijiet internazzjonali, se jkun hemm bżonn ta’ bidla fil-fażijiet ta’ kwalifikazzjoni iżda l-pjanijiet huma li l-Olimpjadi jibdew fl-24 ta’ Lulju kif skedat.

“Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jibqa’ kommess mal-Logħob Olimpiku f’Tokyo u b’aktar minn erba’ xhur qabel il-Logħob, m’hemmx lok għal deċiżjonijiet drastiċi f’dan l-istadju. Kull spekulazzjoni f’dan il-mument tkun kontro-produttiva. Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jinkoraġġixxi lill-atleti kollha biex jippreparaw għall-Olimpjadi l-aħjar li jistgħu” qalet il-KOI fi stqarrija.

Il-kompetizzjonijiet sportivi waqfu f’diversi partijiet tad-dinja, b’fażijiet ta’ kwalifikazzjoni Olimpiċi fi 33 sport ikollhom jieqfu. Sa issa 57% minn 11,000 atleta diġà assiguraw posthom għal Tokyo.