Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

“Insalvaw l-impjiegi billi ngħinu n-negozji issa” – Adrian Delia

"Flimkien irridu naħdmu biex insalvaw l-impjiegi"

“Qegħdin inressqu proposti konkreti biex b’mod wiesa’ u effettiv jirnexxilna niggarantixxu l-għajxien tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u nevitaw iktar telfien ta’ impjiegi billi nassigura li l-miżuri li jittieħdu jagħtu s-sapport meħtieġ lin-negozji tagħna u lil min iħaddem biex jibqa’ jsostni n-negozju u l-ħaddiema tiegħu.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, Claudio Grech u Kristy Debono.

Adrian Delia qal li meta rajna kif ġew irrappurtati każijiet ta’ trasmissjoni lokali tal-COVID-19 fil-komunitajiet, u mhux biss każijiet impurtati minn persuni li vjaġġaw f’pajjiżi oħrajn, għal darb’oħra l-Gvern qed ikun reattiv flok proattiv u jieħu miżuri wara li jkunu saru bosta appelli mill-Oppożizzjoni, l-imsieħba soċjali u l-unjins. L-Oppożizzjoni qed tressaq miżuri konkreti li jsostnu lin-negozji tagħna u nevitaw it-telfien tal-impjiegi. Ma nistgħux nieħdu l-attitudni tal-Gvern u b’xi mod nikkastigaw in-negozji li ħolqu l-ġid, u nippretendu li huma jridu jerfgħu waħedhom il-piż f’dan il-perjodu:

  • Il-quarantine leave għandu jintrefa’ fl-intier tiegħu mill-Gvern
  • Il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għall-50% tas-salarji illi jiġu capped wara li ssir konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti ħalli b’hekk nassiguraw illi ma jkunx hemm sensji bla bżonn
  • Il-Gvern għandu jidħol hu mas-settur bankarju, illi diġà nafu li teżisti likwidita kbira fil-banek tagħna, li naslu għal arranġament biex jiġu posposti l-ħlasijiet fuq il-faċilitajiet tas-self.
  • Fl-istess ħin jinħoloq pakkett ta’ self ġdid għal min jeħtieġlu, fejn il-Gvern jagħmel tajjeb bħala garanzija halli b’hekk l-ewwel xhur ikun hemm moratorju tal-ħlas u r-rati tal-imgħax ikunu l-inqas possibbli.

L-Oppożizzjoni tinsab lesta li b’effett immedjat tappoġġa dan il-pakkett ta’ emerġenza mill-Parlament sabiex din l-għajnuna sservi l-iskop tagħha u ma jkunx tard wisq.Dan meta m’aħniex f’elezzjoni ġenerali nikkompetu ma’ xulxin iżda fi sfida nazzjonali li nistgħu negħlbu biss jekk naħdmu flimkien.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni taqbel li l-miżuri li ħabbar il-Gvern fil-bidu tal-ġimgħa huma assolutament ineffettivi u ma jindirizzawx bis-saħħa li hemm bżonn id-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw in-negozji. Hawn bżonn ta’ azzjoni immedjata għax in-negozji qed jintlaqtu mill-problema ta’ cash flow u jekk mhix se tingħata l-għajnuna lill-intrapriżi u l-ħaddiema mhux biss se jitlef ħafna mid-dhul imma se jkollu jiżdied l-infieq fuq benefiċċji soċjali. L-Oppożizzjoni qed tipproni li l-Gvern jagħmel fond biex jgħin lill-kumpaniji jħallsu il-pagi. Kull kumpanija li tgawdi minn dan il-fond trid tassigura li ma jintilfux impjiegi. Mario de Marco qal li l-Gvern ilu jiftaħar bis-surplus, u issa huwa ż-żmien li parti mis-surplus jintuża sabiex insaħħu s-settur privat. Jekk il-Gvern ma jagħmilx hekk, se jsib quddiemu mhux biss kriżi fil-qasam tas-saħħa imma wkoll kollass tas-sistema ekonomika u socjali ta’ pajjiżna.

Claudio Grech qal li dak li qed tirrakkomanda l-Oppożizzjoni qed tirrakkomandah b’responsabbiltà kbira u m’għandux jitqies bħala bailout jew xi premju. Huwa qal li  maż-żmien numru ta’ intrapriżi se jieqfu joperaw u jkun ifisser li wara ċertu ammont ta’ żmien se jkollhom jitwaqqfu l-ħaddiema minħabba n-nuqqas tad-dħul. Claudio Grech qal li matul dawn l-aħħar ġranet smajna dikjarazzjonijiet surreali mill-Gvern, li kważi jrid jagħti x’jifhem li min iħaddem qiegħed jaħżen xi profitti x’imkien li ma jridx li juża għall-impjegati. Huwa qal li jekk l-intrapriżi jagħlqu, l-agħar li se jmorru jkunu l-impjegati u s-sistema ekonomika tagħna u għalhekk wasal iz-żmien li l-ġid li nħoloq jitqassam biex il-ħaddiema u l-familji tagħhom jgħaddu minn dan iż-żmien. L-Oppożizzjoni temmen li għandna nħarsu ‘l quddiem b’fiduċja u li flimkien nistgħu noħorġu minn dan iż-żmien.

Kristy Debono qalet li għandna nħarsu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin għax l-ekonomija tagħna tispiċċa tikkrolla. Hija qalet li s-sostenibbiltà ekonomika hija kruċjali għax l-effett tal-COVID-19 jista’ jwassal li nidħlu f’riċessjoni fejn il-casualties ekonomiċi jkunu firxa wiesa’ ta’ ħaddiema f’setturi differenti għaliex din hija kriżi li se tolqot lil kulħadd. Kristy Debono qalet li pajjiżna fil-preżent jinsab ekonomikament b’saħħtu sabiex noffru għajnuna li tkun verament effettiva biex ngħinu lill-intrapriżi u l-ħaddiema. Il-PN jemmen li n-negozji u self employed għandhom jiġu mgħejjuna qabel ma’ jkun tard wisq u dan meta l-Korpi Kostitwiti diġà qalu li l-Gvern għandu jgħinhom b’serjetà u b’miżuri effettivi u għalhekk għandha titwaqqaf struttura mal-banek biex jgħin li negozji bil-flessibbiltà fuq is-self qabel ma’ jkun tard wisq.