Internazzjonali

Jum San Patrizju b’differenza – grazzi għall-coronavirus

Il-festa ta’ San Patrizju – li s-soltu tinvolvi ċelebrazzjonijiet u parties fil-pubs tal-Irlanda u f’oħrajn madwar id-dinja – din id-darba kienet konsiderevolment differenti, bl-attivitajiet tad-divertiment assoċjati ma’ dan il-jum iċedu posthom għall-miżuri u l-prekawzjonijiet intiżi biex jiddefendu lin-nies mill-coronavirus.

Din is-sena ma kienx possibbli li n-nies jinvadu l-bars u t-toroq tal-ibliet biex jiċċelebraw il-kultura Irlandiża minħabba l-implimentazzjoni tal-miżuri li jirrikjedu li n-nies iżommu d-distanza minn ma’ xulxin… miżuri li ġiegħlu lill-organizzaturi jikkanċellaw l-avvenimenti ta’ San Patrizju madwar id-dinja.

Il-Prim Ministru tar-Repubblika Irlandiża, Leo Varadkar, eskluda kull possibbiltà li jsiru l-parati u l-festivals f’pajjiżu, bil-Gvern iwissi kontra l-parties fil-pubs u l-istabbilmenti tad-divertiment oħrajn li kienu mitluba biex ma jiftħux il-bibien. Dan wassal għal sitwazzjoni surreali fil-kapitali, Dublin, fejn it-toroq kienu fil-parti l-kbira vojta.

Sadanittant, l-ispirtu brijuż ta’ San Patrizju xorta waħda kien apprezzat bis-servizzi online fejn in-nies – taħt il-hashtag St PatricksDayTogether – qasmu l-esperjenzi tal-jum fuq it-Twitter waqt li ċċirkolaw ir-ritratti tal-parati u l-parties minn tas-snin preċedenti.

Ix-xandar tal-Irlanda (RTE) inkoraġġixxa ‘parata virtwali’ waqt li l-entità Tourism Ireland qalet li l-proġett annwali Global Greening – fejn jinxtiegħlu bl-aħdar mijiet ta’ binjiet u monumenti ewlenin f’aktar minn 50 pajjiż – kellu jsir xorta waħda.