Kummerċ Lokali

BNF b’turija ta’ solidarjetà mal-klijenti tiegħu

Bħala turija ta’ solidarjetà mal-klijenti tiegħu kollha, kemm personali kif ukoll dawk tal-kummerċ, li ġew affettwati mill-COVID-19, il-BNF Bank qed jibgħat messaġġ ta’ sapport u jwiegħed li se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex ikun qrib tal-klijenti tiegħu f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. 

Fil-messaġġ tiegħu lill-klijenti l-BNF qal li jħossu kburi li huwa bank tal-komunità billi jipprovdi assistenza fit-tul lill-klijenti leali u tant stmati tiegħu. Qal li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, aħna ser nkunu qed nagħmlu l-almu tagħna sabiex nagħtukom is-sapport tagħna kollu.

“Bħala l-ewwel pass, se nkunu qed nagħtu rifużjoni tal-miżati kollha relatati mal-ġbid ta’ flus minn kwalunkwe ATM ta’ banek oħrajn mil-lum sal-31 ta’ Marzu, sakemm ma tiġix estiża. Permezz ta’ dan inkunu qed ngħinu lill-klijenti tagħna sabiex ikunu jistgħu jiġbdu l-flus tagħhom b’iktar kumdita. 

“Għamilna ħilitna biex nilħqu wkoll lill-klijenti tagħna fil-qasam tal-kummerċ sabiex naraw kif nistgħu nsibu metodi ta’ sapport f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, u bħalissa għaddejjin bit-taħditiet magħhom.

“Fl-eventwalità li għadek ma ġejtx ikkuntattjat, nitolbuk biex tibagħtilna messaġġ permezz tal-BNF Internet Banking u aħna mbagħad inċemplulek mill-aktar fis biex niddiskutu xi tkun l-aħjar għajnuna li nistgħu nagħtu”, saħaq il-bank. 

Finalment fil-kommunikat tiegħu mal-klijenti, l-bank ħabbar li dan kollu qed isir b’sens ta’ empatija u responsabbiltà li huma l-valuri fil-qalba ta’ dak kollu li iseħħ fil-bank. Huwa serraħ ukoll moħħ il-klijenti tiegħu fuq is-servizz u s-sapport kontinwu.