Il-Kamra tan-Negozji Għawdxin appellat lill-Prim Ministru, Robert Abela, sabiex il-Gvern jissussidja l-pagi tal-ħaddiema sabiex jagħtihom is-serħan il-moħħ li ħobżhom hu maħbuż u fl-istess ħin jerfa’ l-piż tal-leave tal-kwarantina.
Dan saħqitu fi stqarrija t-Tlieta waranofsinhar meta ddeskriviet s-sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw in-negozji Għawdxin, fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus, bħala waħda tal-biża u terribbli.
Fost il-proposti oħra li l-Kamra qed tappella lil Robert Abela jaddotta hija li minn Marzu sakemm tippersisti is-sistwazzjoni, dawk li jħaddmu għandhom iħallsu nofs il-bolla dovuta lill-Gvern. Fl-istess waqt, il-Gvern għandu joffri skemi ta’ għajnuniet jew ta’ self b’rati t’interess sussidjati biex in-negozji jibqgħu fil-wiċċ.
Il-Kamra appellat ukoll lill-Gvern sabiex joffri pakkett speċifiku ta’ inċentivi ħalli ttaffi l-insularità doppja li ġġib diffikultajiet u żvantaġġi żejda għall-operaturi Għawdxin. Hija pproponiet ukoll biex il-VAT fuq invoice maħruġa jitħallas biss meta l-bejjiegħ jirċievi attwalment mingħajr il-klijent.
Dawn il-proposti waslu fid-dawl ta’ survey li għamlet fost in-negozji Għawdxin dwar kif impattathom il-Coronavirus, b’aktar minn 70% minnhom jgħidu li kellhom impatt ħażin ħafna.
63% tan-negozji Għawdxin jaħsbu li l-miżuri mħabbra mill-Gvern is-Sibt li għadda huma insuffiċjenti għaliex m’għandhom l-ebda impatt fuq in-negozji, b’31% jgħidu li l-Gvern seta’ għamel ħafna aktar biex jassistihom.
Dwar xi pjanijiet għandhom għan-negozji tagħhom għal dan iż-żmien, mistoqsija li setgħet ġiet imwieġba b’aktar minn għażla waħda, 41.7% qalu li jnaqqsu l-operazzjoni, 33.33% se jagħtu numru ta’ sensji filwaqt li 50% qed jippjanaw li jagħlqu.
F’dan is-survey, 62.5% tan-negozji Għawdxin jaħsbu li jekk jerfgħu il-piż tal-leave tal-kwarantina waħedhom, dan se jkollu impatt negattiv fuqhom.
Fl-istqarrija, il-Kamra saħħqet li l-Gvern għandu jevita li din il-kriżi fis-saħħa pubblika toħloq kriżi finanzjarja maġġuri oħra. L-intervent tal-Gvern huwa providenzjali biex in-negozji żgħar u medji jibqgħu fil-wiċċ u jkun vijabbli għalihom iżommu l-impjiegi fi żmien inevitabbli ta’ slowdown ekonomiku.
//= $special ?>