Atletika Coronavirus Sport

Posposti tliet avvenimenti tad-Diamond League li kienu se jsiru f’April u Mejju

(Ritratt: EPA)

L-ewwel tliet laqgħat tal-istaġun tad-Diamond League ġew posposti minħabba l-coronavirus. L-avvenimenti kienu skedati fil-kapitali tal-Qatar Doha fis-17 ta’ April, f’Shanghai fis-16 ta’ Mejju u f’post ieħor fiċ-Ċina li kienu għadu jrid jitħabbar fid-9 ta’ Mejju. L-organizzaturi qed jittamaw li jorganizzaw avveniment f’Shanghai fit-13 ta’ Awwissu. Għaż-żewġ laqgħat l-oħra għad m’hemmx data uffiċjali iżda jidher li jistgħu jsiru wara l-finali tad-Diamond League f’Zurich f’Settembru li ġej.

Stqarrija qalet li d-deċiżjoni saret wara konsultazzjoni mill-qrib mal-kumitati organizzattivi, l-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjoni sportivi responsabbli. Fil-Qatar mhux permess li jidħlu persuni minn numru ta’ pajjiżi filwaqt li l-awtoritajiet f’Doha ssospendew l-avvenimenti nazzjonali u internazzjonali għal perjodu ta’ 30 ġurnata.