Coronavirus Futbol Sport

Qed ikolli nitħarreġ fiżikament u mentalment għax it-taħriġ tekniku hu wieqaf kollu – Gianluca Chetcuti, tiratur

L-isport kollu prattikament intlaqat mill-coronavirus. L-isparar mhux eċċezzjoni iżda dan l-isport għandu realtà differenti minħabba l-mod kif jiġi pprattikkat. F’kuntatt li dan is-sit għamel, it-tiratur Gianluca Chetcuti tkellem dwar id-diffikultà li qed jgħaddi minnha bħalissa. Dan hekk kif minħabba li l-isport tal-isparar ma jistax jiġi pprattikat ġewwa, it-taħriġ tekniku hu wieqaf għal kollox. “It-taħriġ fiżiku u mentali jibqa’ xorta u pjuttost dan huwa żmien fejn niffoka iżjed fuq dawn l-aspetti ta’ taħriġ.”

Fl-aħħar xhur, Chetcuti kien qed jitħarreġ fid-dixxiplina tat-trap li għalih hi xi ħaġa ġdida minħabba li aktar jibbrilla fid-double trap. Hu qal li dan iż-żmien ħabat ħażin għalih iżda fl-istess ħin qed jgħinu biex jorganizza ruħu aħjar. B’hekk meta kollox jirritorna għan-normal “inkun preparat għat-taħriġ kif ukoll inħalli l-grinta għall-isparar terġa’ titjieb fija.” Gianluca Chetcuti qabel mad-deċiżjoni li l-isparar jitwaqqaf minkejja li fi kliemu l-isport tagħhom ma jinvolvix kuntatt dirett għalkemm hemm potenzjal li xorta jista’ jinxtered il-mard.

Chetcuti rebbieħ taż-żewġ midalji tad-deheb fid-double trap fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, jinsab diżappuntat u mħasseb b’din is-sitwazzjoni għaliex ma jafx kemm se ddum is-sitwazzjoni u meta se jirritornaw għan-normal. Gianluca Chetcuti hu tip ta’ atleta li jagħmel il-miri fil-bidu tas-sena u b’konsegwenza tal-coronavirus, dawn il-miri se jkunu affettwati mhux ftit.