Coronavirus Rugby Sport

Se nużaw dan il-mument biex niżviluppaw l-istruttura operattiva tagħna – George Zammit Montebello, Viċi President tal-MRFU

(Ritratt: Warren Sammut)

Is-sitwazzjoni tal-coronavirus ħalliet impatt kbir fuq l-atleti iżda ħafna drabi wieħed jinsa lill-amministraturi li tant jaħdmu għall-ġid tal-isport tagħhom. Wieħed mill-avvenimenti sportivi ewlenin fil-jiem li ġejjin kienet se tkun il-logħba tat-tim nazzjonali Malti tar-Rugby kontra l-Iżrael iżda l-logħba tas-Sibt li ġej fil-Hibernians Stadium tħassret kawża tal-coronavirus.

Id-deċiżjoni ttieħdet mir-Rugby Europe peress li l-plejers ta’ Iżrael ma setgħux jiġu f’pajjiżna minħabba l-kwarantina li l-plejers semi-professjonali riedu jagħmlu. Ir-Rugby Europe pposponiet il-kompetizzjonijiet kollha, xi ħaġa li l-Malta Rugby Football Union taqbel magħha minħabba s-sitwazzjoni kurrenti.

Dan is-sit tkellem mal-Viċi President tal-MRFU George Zammit Montebello li tkellem dwar il-ħidma tal-assoċjazzjoni f’dan il-mument. “Qed nużaw din l-opportunità biex niżviluppaw aktar l-istruttura operattiva tagħna biex inkunu nistgħu mmexxu l-organizzazzjoni tagħna ‘l quddiem.” Dan l-eżerċizzju kien se jsir fi tmiem l-istaġun iżda t-tmexxija tal-MRFU ħadet l-opportunità biex tħares lejn possibbiltajiet kif ittejjeb il-kompetizzjonijiet lokali, il-faċilitajiet u l-prospetti tat-tim nazzjonali, b’ottimiżmu li l-futur hu xorta eċċitanti.

F’dan il-mument ta’ waqfa sfurzata, l-assoċjazzjoni Maltija tar-rugby qed tisħaq li żżomm korrispondenza regolari mar-rappreżentanti tal-klabbs. Dan minbarra li jassiguraw li jsegwu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet kollha u javżaw lill-membri tagħhom bl-aħħar żviluppi.