Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara li sofra ħruq f’kamra tan-nar

Fil-ħin tal-inċident kien għaddej xogħol pirotekniku fuq in-nar tal-art

Żagħżugħ ta’ 27 sena, residenti n-Naxxar, qiegħed fil-periklu tal-mewt hekk kif sofra minn ħruq wara li weġġa’ waqt li kien qiegħed jaħdem xogħol pirotekniku.

Fil-ħin tal-inċident jidher li hu kien qiegħed jaħdem xi xogħol marbut tan-nar tal-art.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2.50pm fil-Kumpless tan-Nar Lourdes ta’ San Ġwann, fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Qadi, fis-Salini, limiti tan-Naxxar.

Kelliema tal-Pulizija li tkellmet ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qaltilna li r-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei minn raġel ieħor.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Il-pulizija għadha qed tinvestiga dan l-inċident.

Intant, l-Għaqda tan-Nar Marija Bambina tan-Naxxar fi stqarrija kkjarifikat li ż-żagħżugħ kien qed jagħmel xogħol volontarju bi preparazzjoni għall-Festa Naxxarija u talbet lill-pubbliku jżomm liż-żagħżugħ f’talbhom sabiex jieħu saħħtu lura.

Ritratt: Steve Psaila