Internazzjonali

Żvilupp importanti: Jidentifikaw kif il-ġisem jirreżisti lill-Covid-19

Ix-xjenzati fl-Awstralja qalu li identifikaw kif il-ġisem jirreżisti l-virus Covid-19 (coronavirus). Din ir-riċerka, ippubblikata fil-ġurnal Nature Medicine qed turi li n-nies qegħdin jirkupraw mill-infezzjoni l-ġdida ‘bħalma jiġri fil-każi meta nintlaqtu bl-influwenza’.

L-esperti qalu li ladarba jiddeterminaw iċ-ċelloli tal-ġisem li juru l-immunità għall-virus, dan għandu jgħin sew għall-iżvilupp ta’ tilqima jew mediċina effettiva.

Filwaqt li l-awtoritajiet globali kkonfermaw ‘il fuq minn 160,000 każ tal-coronavirus – u madwar 6,500 mewta – il-Professur Katherine Kedzierska, ko-awtur tal-istudju, qalet li ‘dan hu żvilupp importanti għaliex ix-xjenzati, għall-ewwel darba qegħdin jifhmu tassew kif l-immune system tagħna qed tiġġieled lill-coronavirus’.

Ir-riċerka tal-Peter Doherty Institute for Infection and Immunity, ibbażat f’Melbourne, kienet imfaħħra minn esperti oħrajn, b’uħud jirreferu għaliha bħala ‘żblokk fil-ġlieda kontra l-Covid-19’.

Huma ħafna n-nies li fiequ mill-Covid-19 u dan ifisser li hu diġà magħruf li d-difiża tal-ġisem kapaċi tirreżisti b’suċċess lil dan il-virus.

Iżda għall-ewwel darba, ir-riċerka identifikat erba’ tipi ta’ immune cells li jikkumbattu lill-virus. Dawn kienu osservati waqt l-evalwazzjoni (tracking) ta’ pazjenta b’infezzjoni ‘ħafifa sa moderata’ u li ma kellhiex issue tas-saħħa preċedenti.

Il-pazjenta – mara ta’ 47 sena minn Wuhan, fiċ-Ċina – kienet iddaħħlet l-isptar fl-Awstralja u irkuprat mill-coronavirus fi żmien erbatax-il jum. Dan waqt li l-Professur Kedzierska qalet li hi u l-kollegi tagħha kienu eżaminaw ‘minn fuq sa isfel il-mod kif is-sistema tal-ġisem (tal-pazjenta) irreaġixxiet għall-effetti tal-Covid-19’.

‘Qed inħossuna eċċitati ħafna bir-riżultati u l-fatt li stajna naqbdu l-iżvilupp tal-immune cells fil-pazjenta infettata qabel din bdiet tfieq mill-marda’, qalet Kedzierska.

’Il fuq minn għaxar xjenzati ilhom jaħdmu bla heda għal ġimgħat sħaħ biex jaslu għal din l-analiżi. Il-Ministru tas-Saħħa Awstraljan, Greg Hunt, qal li din l-aħħar skoperta tista’ tressaq ’il quddiem il-produzzjoni ta’ tilqima u wkoll ta’ trattamenti potenzjali għall-pazjenti infettati.