Coronavirus Lokali Saħħa

10 każi ġodda ta’ Covid-19

Fl-aħħar aġġornament dwar il-każijiet ta’ Covid-19 f’pajjiżna, Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li huma 10 il-każi ġodda rreġistrati tal-virus f’Malta.

Dan itella’ għal 48 in-numru ta’ każi tal-virus f’pajjiżna bħalissa.

Fost il-każijiet irreġisgrati fl-aħħar sigħat kien hemm l-ewwel żewġ każi ta’ persuni vulnerabbli; żewġt irġiel ta’ 70 u 73 sena.

Irreġistrat l-ewwel każ ta’ persuna anzjana. Raġel ta’ 70 sena li ma kienx imsiefer żviluppa uġigħ fil-grieżem, sogħla u deni aktar kmieni dan ix-xahar. Ir-raġel dam disat ijiem qabel ma rrapporta li kellu s-sintomi. Ir-raġel ma tantx kellu kuntatti ma’ nies oħra waqt li kellu s-sintomi.

Żewġ persuni Maltin li marru il-Ġermanja u l-Polonja żviluppaw sintomi waqt li kienu għahdom imsefrin. Huma marru mill-ewwel kwarantina. Issa qed isir contact tracing tal-persuni li kienu magħhom fuq it-titjira lura lejn Malta minn Berlin.

Persuna oħra li kien espost għall-virus fuq il-post tax-xogħol għaddiha lil mara li taħdem miegħu li wkoll żviluppat is-sintomi, kif għamel ukoll żewġha.

Mara ta’ 48 sena li marret l-Ingilterra ukoll irriżultat pożittiva. Il-familja tagħha issa tinsab fi kwarantina.

Wara l-każ tal-pazjenta Ingliża li rriżultat pożittiva għall-virus ilbieraħ, saru testijiet fuq pazjenti oħra fejn irriżulta li ragel ta’ 57 sena kien pożittiv. Ragel ieħor ta’ 73 li kien f’sala differenti wkoll żviluppa sintomi.

Is-swali fejn kienu dawn il-pazjenti ingħalqu u qed ikomplu testijiet fuq pazjenti oħra kif ukoll fuq healthcare workers li kellhom kuntatt mal-pazjenti.

Malti ta’ 37 sena beda bis-sintomi ftit tal-jiem ilu u rriżulta li hu kellu kuntatt ma’ persuna barrani li ġie lura mill-Ingilterra dan l-aħħar. Is-suspett huwa li dan ittieħed minn dan il-barrani għalkemm ma ntqalx jekk il-persuna li kien imsiefer kellux sintomi huwa wkoll.

Tfajla ta’ 26 sena li hija qariba ta’ każ ieħor li kien irrappurtat ilbieraħ issa wkoll żviluppat il-virus. Din hija parti minn nukleu ta’ familja fejn sa issa huma 4 il-persuni infettati.

B’hekk issa għandna taħlita ta’ każi bejn każijiet fejn il-virus ġie impurtat, oħrajn fejn saret trażmissjoni lokali diretta, u oħrajn fejn it-trażmissjoni saret minn wara li kien hemm kuntatt ma xi ħadd li kien imsiefer.

Sa issa saru b’kollox 1,799 test.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet li mal-imxija tal-virus wieħed jistenna li tibda tinbena ċertu immunità kontra l-Covid-19.

Hija qalet li s-Supretendenza qed issegwi mill-qrib l-iżviluppi dwar il-vaċċin kontra l-virus sabiex meta dan ikun żviluppat jibda jintuża anke hawn Malta.

Mistoqsija jekk wasalx iż-żmien li jissejjaħ lockdown totali, Charmaine Gauci qalet li bħala Supretendenza qed jappellaw biex in-nies jibqgħu ġewwa u ma joħorġux għalxejn.

Dwar l-avviż legali ippubblikat ilbieraħ filgħaxija li jgħid li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tista’ tbiddel ir-regolamenti tal-kwarantani għal persuni partikolari, Gauci qalet li din saret biex tipprovdi għal regolamentazzjonijiet differenti għal ħaddiema partikolari. Hija qalet li se jkun hemm lista ta’ persuni li għalihom tista’ tapplika din ir-regola.

Dwar it-48 każ li għandna preżentament hi qalet li uħud minnhom qed jinżammu Mater Dei filwaqt li fil-futur qrib dawn issa jistgħu jibdew jinżammu fl-isptar Boffa, b’dawk l-aktar severi jinżammu Mater Dei, filwaqt li dak l-aktar ħfief jintalbu li jibqgħu id-dar.

Charmaine Gauci spjegat li hemm numru ta’ healthcare workers li qegħdin fi kwarantina jew għax ġew lura minn barra minn Malta jew għax kellhom kuntatt ma’ pazjenti infettati.

Hi spjegat ukoll li l-virus jittieħed anke mingħand persuni li għandhom sintomi ħfief ħafna. Il-virus jittieħed minn droplets (qtar fl-arja) u, f’każi aktar rari, mill-arja (airborne).