Lokali Qorti

10 xhur ħabs u multa ta’ €1,000 wara li nqabad bid-droga fil-Ħamrun

Joseph Anthony Cini ta’ 49 sena mill-Belt ġie kkundannat 10 xhur ħabs u mmultat €1,000 wara li nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Madankollu huwa ma nstabx ħati li kien qed jittraffika d-droga meta huwa nqabad mill-Pulizija fil-Ħamrun.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke semgħet lill-Ispettur Malcom Bondin jixhed li fil-5 ta’ Lulju 2016 kienu qegħdin isiru spot checks il-Ħamrun. F’ħin minnhom twaqqaf l-imputat, li kien f’ħanut u waqt tfittxija li saret fuqu nstabu tmien pakketti b’sustanza suspettuża u erbgha mobile phones.

Il-Kuntistabbli Christopher Saliba spjega fil-Qorti li saret ukoll tfittxija fuq waqt li huwa kien f’ħanut fil-Ħamrun stess u fil-but tal-qalziet kienu sabu sebgha qratas li fihom kien hemm sustanza suspettata droga eroina.

Wara ghamlu tfixxija fil-karozza tiegħu, Fiat Punto ta’ kulur ahmar, u hemm sabu kaxxa tal-fwiħa li fuqha kien hemm xi traċċi, €315 fi flus kontanti, u mus. Minn hemm marru l-għassa tal-Ħamrun u saret strip search.

F’dan l-istadju f’ kalzetta taħt subgħajh kien hemm qartas ieħor. Ix-xhud ikkonferma li l-oġġetti kollha li sabu ġew elevati u mgħoddija lill-Ispettur Bondin. Mix-xhieda tal-espert Gilbert Mercieca jirriżulta li fit-tmien qratas minnu eżaminati kien hemm sustanza b’piz totali ta’ 0.9433 gramma liema sustanza kienet taħlita ta’ eroina, kaffeina u paracetamol. Il-persentaġġ medju ta’l-eroina kien ta’ 6.93% u l-valur kien ta’ €65.08.

Il-Qorti qalet li minn dawn il-fatti m’għandu jkun hemm l-ebda dubju li l-imputat kien fil-pussess ta’ droga eroina. Pero dawn il-fatti wahedhom zgur li ma jammontawx ghal prova ‘l hemm minn kull dubbju dettat mir-raguni li l-imputat kien qed jitraffika dik id-droga għaliex ma ġewx innutati xi movimenti minn naħa tiegħu u lanqas ma kien nnutat li xi persuna oħra avviċinatu.  

Il-Qorti iżda qalet li hija tal-fehma li l-kwantita u x-xorta tad-droga nvoluta, u l-fatt li kienet maqsuma f’sebgħa boroż żgħar ta’ l-istess daqs u borża oħra kbira. Il-fatt li dawn il-boroż kienu fil-but ta’l-imputat u waħda minnhom fil-kalzetta li kien liebes, il-fatt li nstab fil-pussess ta’ din id-droga barra, f’ħanut tax-xorb, fit-7.45 am. huma provi suffiċjenti biex jikkonvinċuha li dik id-droga ma kinitx ghall-użu esklussiv tiegħu.