Coronavirus Lokali Saħħa

“Aħna poplu reżiljenti li kapaċi nirbħu anke din l-isfida” – Adrian Delia

Il-poplu Malti hu poplu reżiljenti, li għal snin twal kien assedjat, u li dejjem irnexxielu joħrog rebbiħ. U anke din id-darba, jekk inkunu kapaċi ningħaqdu, se joħorġu rebbieħa minn din il-gwerra.

Kien dan il-messaġġ ta’ kuraġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien il-mistieden ta’ Robert Cremona fuq il-programm Net Live.

Adrian Delia qal li l-ġlieda hija kontra l-virus u ointra l-ħin u li huwa għalhekk kruċjali li d-deċiżjonijeit jittieħdu fil-ħin jekk irridu ngħelbu din l-isfida.

Mistoqsi jekk għandux fiduċja fil-mod kif mexa sa issa l-Gvern f’dawn il-jiem ta’ sfida, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li żgur li dan mhuwiex żmien li jinħoloq paniku u li dak kollu li jingħad bħalissa jġorr miegħu piż partikolari.

Madankollu huwa qal li l-Oppożizzjoni għandha l-obbligu titkellem fejn tara n-nuqqasijiet u fakkar kif il-Partit Nazzjonalista issa ilu s-snin jisħaq dwar l-isptarijet li ttieħdu mingħand il-Maltin u fakkar li sa issa suppost għandna 900 sodda oħra fl-isptarijiet St Lukes, Karin Grech u l-Isptar t’Għawdex. Sodod li kienu jiswew mitqlu deheb f’dawn iż-zminijet, iżda minflok m’għandna xejn, u minflok qed naraw kif inraqqu biex insibu 20 sodda oħra.

Adrian Delia qal l-Oppożizzjoni qed tagħmel il-parti tagħha anke bi proposti konkreti fosthom li l-Gvern jgħin lin-negozji billi joħroġ nofs il-pagi tal-ħaddiema fil-privat, li jħallas il-leave tal-kwarantina, u li jagħmel tajjeb ukoll mal-banek fejn hemm bżonn bies ikompli jsostni lin-negozji. Hu fakkar li f’każ li jkun hemm is-sensji, il-Gvern xorta jispiċċ jġorr piż ta’ dawn is-sensji.

Adrian Delia rringrazzja lil daw kollha involuta fil-ġlieda kontra l-virus – tobba, infermera, spiżjara, carers, imma anke min jieħu ħsieb inaddaf l-isptarijiet, is-sewwieq tal-ambulanzi, ħaddiema fi sptarijeit u ċentri tas-saħħa, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija, u l-Armata li se tgħin fit-tqassim ta’ ikel lill-anzjani, kif kien propost mill-Oppożizzjoni.