Lokali Parlament

Appell għal inizjattivi personali ta’ solidarjetà fost il-poplu

– Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella biex quddiem il-kriżi tal-coronavirus fis-soċjetà jkun hawn iktar inizjattivi ta’ solidarjetà bejn il-poplu.

Fil-parlament Karol Aquilina qal li fil-pajjiż hawn dieqa u sens ta’ inkwiet fejn kulħadd qed iseħħ li xejn m’hu se jibqa’ l-istess. Hu appella biex kemm jista’ jkun il-pubbliku jibqa’ juża’ l-ħwienet bla paniku skont iċ-ċirkostanzi. Id-deputat Nazzjonalista rringrazzja lill-eluf ta’ ħaddiema li qed jagħtu kontribut kbir fis-servizz lill-poplu biex il-pajjiż jibqa’ bil-karatteristiċi tiegħu.

Jeħtieġ kulħadd jikkonċentra biex l-isfida tingħeleb, sostna Karol Aquilina, li appella lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. M’għandhiex tinħoloq problema bejn il-ħaddiema u min iħaddem; il-Gvern irid isalva lil kulħadd, qal id-deputat Nazzjonalista, li kompla li hemm individwi li jistgħu jagħmlu ħafna fosthom fil-mod kif id-deputati jaffrontaw is-sitwazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hawn min qed jieħu inizjattivi ta’ solidarjetà biex titjieb il-ħajja ta’ individwi oħra. Hawn eluf ta’ anzjani li fehmu li jridu joqgħodu d-dar bil-qraba jieħdu ħsiebhom. Karol Aquilina appella għall-kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Devuluzzjoni ta’ Ċerti Setgħat Ministerjali u qal li l-akbar pass ta’ devuluzzjoni fil-pajjiż kien it-twaqqif tal-kunsilli lokali. Illum kulħadd hu konxju mill-importanza tal-kunsilli lokali; li lkoll tejbu l-lokalitajiet.

Dan fisser li l-gvern telaq numru ta’ poteri minn idejh għax emmen li dan se jwassal ħal titjib. Dan il-prinċipju tħaddem b’suċċess iżda fl-aħħar seba’ snin il-gvern ma kompliex bid-devuluzzjoni lill-kunsilli lokali, li llum għandhom inqas poteri minn seba’ snin ilu. Il-gvern kellu jagħmel proċess ikbar ta’ devuluzzjoni lill-kunsilli lokali. Dan il-prinċipju għandu jitħaddem il-ħin kollu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li din il-liġi se ġġib bidliet għall-aħjar iżda l-gvern għad għandu wisq poteri anki dawk amministrattivi. Abbozz simili għal dan għandu jsir darba fis-sena, sostna Karol Aquilina, biex inqas affarijiet jispiċċaw quddiem il-ministru. L-Oppożizzjoni lesta tipparteċipa fi proċess ta’ simplifikazzjoni tas-settur pubbliku. Dan l-abbozz se jemenda 133 liġi mill-Att dwar il-FAM, il-gwardjani privati sal-ħabs fost setturi oħra.

Id-deputat Nazzjonalista ppropona li fejn ikun hemm liġijiet ta’ natura teknika, wasal iż-żmien li jibqa’ jkun pubblikat dokument ta’ spjegazzjoni.