Basketball Coronavirus Sport

Diġà qed inħoss in-nuqqas tal-logħob imma rridu nkunu pożittivi – Bernard Vassallo, referee tal-basketball

(Ritratt: Joseph Galea)

Ħafna drabi tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-atleti minħabba l-waqfien tal-isport kawża tal-coronavirus. Aspett li mhux dejjem jiġi kkunsidrat hu xi jħoss referee meta jkun sfurzat ma jagħmilx dak li hu għal qalbu. Vassallo kellu jħalli pajjiżna lbieraħ biex illum jikkontrolla l-logħba mill-kwarti tal-finali tal-FIBA Euro Cup tan-nisa bejn Valencia BC u Castors Braine. Din in-nominazzjoni prestiġjuża f’Valencia saret aktar minn ġimgħa qabel il-logħba, iżda din ġiet posposta.

L-irwol ta’ Vassallo bħala referee tal-basketball hu attiv is-sena kollha hekk kif minbarra l-impenji internazzjonali tul l-istaġun lokali, fix-xhur tas-sajf xorta jikkontrolla logħbiet mill-kompetizzjonijiet tat-timijiet nazzjonali.

Hu qabel mad-deċiżjoni li jieqaf kollox f’Malta u fl-Ewropa u żied li teżisti possibbiltà li l-kompetizzjonijiet tat-timijiet nazzjonali fis-sajf jiġu kkanċellati wkoll. “Is-sitwazzjoni mhux sabiħa għal ħadd. Irridu però nkunu pożittivi dejjem. Se jkun hawn min ibati f’bosta rigwardi imma rridu nżommu sod u nibqgħu nemmnu li sa fl-aħħar negħlbu s-sitwazzjoni.”

Għalkemm il-fiżika ta’ referee hi differenti minn ta’ atleta, referee xorta jrid iżomm il-forma fiżika. F’dan il-mument diffiċli, Vassallo jipprova jżomm rutina bażika ta’ preparazzjoni fiżika filwaqt li mil-lat ta’ preparazzjoni mentali ma jemminx li għandu jkollu problemi. “Diġà qed inħoss in-nuqqas ta’ logħob fattwali kemm direttament bħala referee fuq il-court kif ukoll fil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Nispera li l-waqfa ma tkunx twila imma onestament inħoss li tal-anqas irridu nistennew tlieta jew erba’ xhur sakemm is-sitwazzjoni fl-Ewropa u f’pajjiżna titranġa ftit.”