Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs għal żewġt irġiel fuq serqa u attentat ta’ serqa minn karozza

Stephen Zammit ta’ 44 sena minn Birkirkara u Jason Mifsud ta’ 45 sena minn Tas-Sliema ġew ikkundannati disa’ xhur ħabs wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li serqu mobajl u li ttantaw jisirqu diversi għodod minn karozza.

Huwa ammettew li kien fit-8 ta’ Settembru li għadda, għall-ħabta tal-10.15am. minn karozza li kienet ipparkjata f’Tal Pietà serqu mobajl u anke ftit flus kontanti li kien hemm fiha.

Zammit u Mifsud ammettew ukoll li ppruvaw jisirqu diversi għodod mill-istess karozza, liema reat ma seħħx minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tagħhom. L-irġiel ammettew ukoll li għamlu ħsara fil-karozza nkwistjoni.

Mifsud waħdu nstab ħati wkoll fuq ammissjoni li ġarr mus mingħajr liċenzja. Il-Qorti qalet li ma kinitx qed isb lill-imputati ħatja li saru reċedivi u tenniet li meta ġiet biex tagħti l-piena kkunsidrat diversi fatturi fosthom dik ta’ ammissjoni bikrija, u li kemm id-difiża u l-Prosekuzzjoni qablu flimkien mal-piena li għandha tiġi mposta.