Coronavirus Lokali

Diversi każini u għaqdiet b’messaġġi ta’ kuraġġ f’dan iż-żmien diffiċli

"Grati tal-ħidma li qed iwettqu l-pulizija, suldati u mediċi"

Minkejja li diversi postijiet tad-divertiment inkluż il-każini tal-baned kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għall-pubbliku b’rabta mal-aħħar direttivi tal-Gvern, numru ta’ stabbilimenti t-Tlieta filgħaxija fakkru u rringrazzjaw lill-ħaddiema fi ħdan id-dipartiment tas-saħħa tas-sagrfiċji li qed jagħmlu fiċ-ċirkustanzi tal-COVID-19, fosthom każin f’Ħaż Żebbuġ.

Il-kuluri tal-bandiera Maltija dawwlu l-faċċata tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan bħala turija ta’ tislima u ringrazzjament lill-impjegati kollha fis-settur mediku kif ukoll dawk il-ħaddiema fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, membri tal-Każin Ġużeppin, sostnew li lkoll kemm aħna bħala poplu ninsabu grati tal-ħidma li qed iwettqu l-pulizija, suldati u mediċi f’dawn il-jiem li l-pajjiż inxteħet fih.

Filwaqt li talbu lill-pubbliku għall-ġabra u t-talb f’dawn iż-żminijiet diffiċli, dan l-aġir ta’ grattitudni mill-poplu inkluż dawk li b’xi mod jew ieħor intlaqtu mill-aħħar direttivi turi l-qalb tajba u r-rieda li kulħadd jimxi pass pass id f’id bil-għan li naslu sat-tragward ta’ dan il-mument tant diffiċli.