Coronavirus Lokali Saħħa

“Ejja ningħaqdu fl-ispirtu u ndawru din l-isfida f’opportunità” – Andrew Azzopardi

X’jiswew il-flus meta l-kwalità tal-ħajja tagħhna tisfuma? Ejja ningħaqdu fl-ispirtu f’dan iż-żmien ta’ prova u nfittxu li noqorbu aktar lejn xulxin billi nkunu ta’ servizz lejn xulxin.

Dan qalu d-Dekan tal-Fakulta għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Andew Azzopardi.

F’komunikat, Azzopardi qal li l-kelma reżiljenza oriġinarjament kienet kelma tal-inġenjerija li kient tirreferi għall-abbiltà ta’ materjal jew oġġett li jkun soġġett għal stress li jkun kapaċi jerġa jieħu l-forma oriġinali tiegħu.

Bħala komunità, bħala ekonomija u bħala individwi ninsabu taħt ammont ta’ stress. In-nuqqas ta’ ċertezza daħlet f’kull qasam ta’ ħajjitna u qed twassalna biex nibżgħu minn kollox – mill-mewt sa l-biża’ li jispiċċalna t-toilet paper.

Id-Dekan hawnhekk ifakkar li l-messaġġ tal-Fakultà Għat-Tisħiħ tas-Soċjetà huwa li l-konnessjoni ta’ bejnietna. il-ħbiberija u l-konversazzjoni sinnifikanti huma l-vera teżori, li ma jinxtrawx bil-flus, imma li jiswew ħafna.

L-istqarrija tad-Dekan tgħid li minkejja li l-Covid-19 ħaditilna ħafna, il-kwarantina qed iġġgħelna nixtarru sew il-prioritajiet tagħna.

Issa mhux iż-żmien li naħsbu li l-kwarantina jew l-iżolament huwa xi tip ta’ reazzjoni eċċessiva ta’ tobba anzjużi. Jeħtieġ nieħdu fuqna l-piż ta’ dan is-sagrifiċċju, jekk mhux għalina, għax forsi m’aħniex l-aktar vulnerabbli, għal dawk li jaqgħu f’din il-kategorija.

Jeħtieġ ukoll ikollna fiduċja fil-professjonisti li qed imexx l-gwerra kontra l-virus, ikompli d-Dekan.

Andrew Azzopardi jagħti xi suġġerimenti sabiex wieħed jgħix aħjar dan iż-żmien diffiċli.

  • Żomm rutina
  • Ibqa’ aħdem jekk tista, iżda taħdimx aktar jew inqas mis-soltu
  • Biddel mill-ħwejjeġ li tibqa’ bihom id-dar
  • Agħmel ftit eżerċizzju kuljum (tista ssib video fuq YoutTube), u kul tajjeb
  • Aqra’, ara series jew ilgħab video games fil-bqija tal-ħin
  • Irrikonoxxi d-dwejjaq jew frustrazzjoni li qed tħoss, speċjalment jekk il-virus ħassarlek pjanijiet importanti bħal żwieġ jew proġetti ġodda tax-xogħol
  • Uża dan il-mument mhux tas-soltu biex terġa’ tqis il-prioritajiet tiegħek, tieħu deċiżjonijiet importanti, tqis it-twemmin tiegħek
Agħmel ftit eżerċizzju kuljum

Fl-aħħar id-Dekan jappella lill-Maltin u lill-komunitajiet internazzjonali biex ma jaqtgħux qalbhom. Anke jekk din il-kriżi tfisser tibdil mill-affarijiet kif nafuhom aħna, tista’ tkun ukoll opportunità biex nitgħallmu nagħmlu l-affarijiet b’mod aħjar.