Coronavirus Ekonomija Lokali

Fix-xhur li ġejjin in-negozju se jonqos bin-nofs – imprendituri u ekonomisti

In-negozju f’Malta qed jirriskja li jonqos bin-nofs. Dan qed jgħiduh mhux biss ekonomisti, izda ukoll imprendituri li tkellmu ma’ NET NEWS, hekk kif pajjiżna qed jiġġieled l-imxija tal-Covid-19.  

Minbarra l-pressjoni qawwija li tefa’ fuq il-qasam tas-saħħa, dan il-virus qed ikollu impatt negattiv immens fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Minn nofsilejl tal-Erbgħa postijiet pubbliċi bħal ristoranti, bars, gyms, u casinos ingħalqu b’mod indefinit wara l-ħruġ ta’ avviż legali.

Ix-xena f’San Ġiljan it-Tlieta wara nofsinhar

Dan l-avviż jordna wkoll l-għeluq ta’ kafetteriji, cinemas, mużewijiet, clubs u diskoteki, swieq miftuħa, indoor swimming pools kif ukoll il-pixxina nazzjonali, postijiet tal-gaming u tal-bingo, casinos, banek tal-lottu u ħwienet tal-betting. Ir-ristroanti, bars u kiosks tal-ikel jistgħu jibqgħu ibigħu ikel għal take-aways kif ukoll jagħmlu deliveries, u dawk fil-hotels qed jitħallew joffru servizz fil-kamra lill-klijenti tal-lukanda kif ukoll jagħmlu deliveries lil klijentii barra mill-lukanda.

L-avviż legali ma jagħtix data ta’ skadenza u għaldaqstant mhux magħruf kemm se jdum fis-seħħ, iżda jgħid li s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika tista’, permezz ta’ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, tordna l-għeluq ta’ postijiet pubbliċi oħrajn.

Ritratt: Matthew Tabone

Il-qasam tat-turiżmu kien fost l-ewwel li beda jħoss id-daqqa, u issa l-Gvern qed jiġi mwissi minn diversi esperti fil-business u ekonomisti oħra, li pajjiżna se jieħu daqqa li tista’ titfa’ lill-ekonomija tal-pajjiż għarkopptejha.

Fl-aqwa xenarju, jekk il-pandemija f’pajjiżna tiġi kkontrollata fi żmien tlieta jew erba’ xhur, il-pajjiż ikollu bżonn tal-anqas sena biex jirkupra mid-daqqa, b’diversi negozji ma jirnexxielhomx jirkupraw.  

L-impatt se jħossuh ukoll ħaddiema barranin f’pajjiżna – l-aktar dawk li jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu u l-catering.