Coronavirus Lokali

”Għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex insalvaw l-għixien ta’ ħafna nies” – PN

“Il-Gvern qed jilgħab bl-għixien ta’ ħafna nies meta mhux jindirizza t-tħassib u d-diffikultajiet tal-operaturi fis-settur turistiku u n-negozji u lanqas mhu qed jagħmel biżżejjed biex in-negozji ma jfallux u ma jintilfux l-impjiegi.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni Hermann Schiavone u Ryan Callus.

Robert Arrigo qal li fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19, il-Gvern kien reattiv u mhux proattiv b’tali mod li d-deċiżjonijiet bdew jittieħdu wara li l-operaturi, n-negozji u min iħaddem beda jieħu l-miżuri minn qabel. Huwa qal li l-effetti tas-suppost għajnuna li l-Gvern ta lill-industrija huma tal-waħx u d-dewmien wassal għal deċiżjonijiet iebsa u neċessarji mill-industrija stess. Huwa qal li l-Oppożizzjoni mal-ewwel ħarġet bi proposti li jindirizzaw lis-settur turistiku, għaliex kien qed jidher ċar li dan is-settur kien se jkun l-iżjed wieħed li kien se jintlaqat malajr. Uħud mill-proposti li ressqet l-Oppożizzjoni kienu jinkludu:

  1. It-tnaqqis temporanju ta’ 50% fit-tariffi tad-dawl u l-ilma għan-negozji u kull dar.
  2. Eżenzjoni temporanja tal-kontijiet tal-postijiet li jipprovdu l-ikel.

Il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo qal li l-Oppożizzjoni ressqet proposti konkreti biex nevitaw iktar telfien ta’ impjiegi billi nagħtu sapport lin-negozji. In-negozji jeħtieġ li jkollhom l-ossiġenu sabiex joperaw u mhux iġorru l-piż waħedhom. Il-proposti jinkludu:

  1. Li l-quarantine leave għandha titħallas kollha mill-Gvern.
  2. Il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tas-salarji illi jiġu capped wara li ssir konsultazzjoni mal-Korpi Kostitwiti ħalli b’hekk nassiguraw illi ma jkunx hemm sensji bla bżonn
  3. Il-Gvern għandu jidħol hu mas-settur bankarju, illi diġà nafu li teżisti likwidità kbira fil-banek tagħna, li naslu għal arranġament biex jiġu posposti l-ħlasijiet fuq il-faċilitajiet tas-self.
  4. Fl-istess ħin jinħoloq pakkett ta’ self ġdid għal min jeħtieġlu, fejn il-Gvern jagħmel tajjeb bħala garanzija ħalli b’hekk l-ewwel xhur ikun hemm moratorju tal-ħlas u r-rati tal-imgħax ikun l-inqas possibbli.

Robert Arrigo qal li l-Gvern għandu jisma’ b’serjetà t-tħassib u l-ħtiġijiet tagħhom għax l-industrija qed titlef €10 miljuni fil-ġimgħa. Wasal iż-żmien ukoll li l-Gvern iħallas ir-rifużjoni tal-VAT u tal-fuels. Huwa qal li l-kliem sabiħ il-Gvern għandu jżommu għal wara, meta noħorġu minn din is-sitwazzjoni u nerġgħu nibdew indawwru r-rota.

Hermann Schiavone qal li dawk li jaħdmu fil-catering, ristoranti, kafetteriji, bars u min jissuplixxihom għadhom kif għaddew mill-iżjed perjodu kwiet fiċ-ċiklu tan-negozju tagħhom  u dan wara l-perjodu tal-Milied li diġà kien wieħed kwiet minħabba s-sitwazzjoni politika li ġab b’idejh il-Gvern Laburista. Huwa qal li dawn in-negozji jibdew jirrankaw maż-żmien tal-Għid u allura s-sitwazzjoni tal-lum hija waħda devastanti għal dan is-settur u ħafna ma jafux kif se joħorġu minnha u lanqas ma jridu li jitilfu l-ħaddiema. Hermann Schiavone qal li l-Gvern għandu jilqa’ l-proposti tal-Oppożizzjoni li 50% tal-pagi jitħallsu minnu u li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50% filwaqt li ma jitlobx il-ħlasijiet ta’ din is-sena tal-liċenzji għal dan is-settur.

Ryan Callus qal li l-kummenti tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri kienu inaċċettabbli speċjalment meta l-Gvern ibbaża t-tkabbir tal-ekonomija fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin. Huwa qal li kummenti bħal dawn jipperikolaw setturi innovattivi u importanti għall-ekonomija tagħna. Dan meta fis-sitwazzjoni preżenti bl-imxija tal-COVID-19, il-ħaddiema qegħdin jiġu sfurzati li jagħmlu użu mil-leave tagħhom, jitnaqssilhom il-ħin tax-xogħol jew jingħataw is-sensja.

Ryan Callus qal li għandna konferma li l-mudell ekonomiku tal-Gvern falla għax in-nies ġew inkoraġġiti jieħdu loans biex jixtri propjetajiet bl-iskop li jikru minħabba l-ekonomija tal-barranin, u issa li l-barranin qed jiġu mistiedna jitilqu, staqsa min se jagħmel tajjeb għall-kirjiet tal-barranin. Huwa qal li dan mhux il-mument li nkunu partiġġjani u għalhekk bħala Oppożizzjoni qegħdin inressqu l-proposti biex inkunu ta’ spalla għall-ħaddiema u nsalvaw l-impjiegi.

Apparti l-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, l-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Djalogu Soċjali, l-Volontarjat, is-Socjetà Ċivili u l-Kuntatt man-Nies Hermann Schiavone u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.