Lokali

Il-Katavru mhux identifikat

L-identità tal-vittma li nstab bla ħajja f’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija it-Tlieta waranofsinhar għadha ma ġietx konfermata. Madanakollu, ġie konfermat li l-kadavru huwa ta’ raġel.

Dan ġie mħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani akkumpanjat mill-Ispetturi Keith Arnaud u Hubert Cini. Pisani saħaq li l-Pulizija ġew msejħa fil-post għax il-ġirien kienu ilhom ma jaraw lil Victor McKeon għal madwar erbat ijiem. McKeon ghandu 62 sena u kien residenti fl-istess appartament.

Malli waslu fil-post minnufih laqtithom riħa xejn pjaċevoli u sabu quddiemhom xena makabra għall-aħħar.

Brendan Pisani ssokta jgħid li l-vittma nstab mill-Pulizija fil-kamra tal-banju, liema kamra kienet bil-bieb magħluq, b’xugaman taħtu.

Ġie spjegat li mill-awtopsja ħareġ li l-vittma nqatel b’daqqiet ta’ arma taqta’ u bil-ponta f’rasu iżda seta’ wkoll kien ġie soffokat.

Minħabba li l-kadavru ma ġiex identifikat kawża tal-istat qawwi ta’ dekompozizzjoni li nstab fiha, il-Pulizija għadhom għaddejjin bit-tfittxija ta’ McKeon kif ukoll għar-raġel barrani ieħor li kien jgħix miegħu, liema raġel sentejn ilu kien diġà darab lill-istess McKeon permezz ta’ daqqiet ta’ arma taqta’.